Lokali

BARRA L-PARLAMENT: Robert Abela jispiċċa jgħid lin-nies li “mhux qed jifhmu”

Illejla, Robert Abela għażel li jirredikola lil dawk kollha li ħaduha kontra l-liġijiet li imbotta baxx baxx fil-Parlament biex jemenda l-proċessi tal-ippjanar – liġijiet li kisbu l-kundanna ta’ bosta, anke mill-qalba tal-Partit Laburista.

Meta kien affaċjat mill-attivisti, Robert Abela qalilhom li huma “mhux qed jifhmu”.

Għal dan, l-attivisti wieġbu li stqarrija bħal din hija biss insult minn naħa tal-Prim Ministru. B’Robert Abela jagħżel li jitlaq, u jimxi lejn Kastilja – mingħajr ma jaffaċja l-kritika li saret.

Pressjoni biex il-liġi tiġi irtirata

Front magħqud ta’ għaqdiet kitbu ittra indirizzata lill-Prim Ministru Robert Abela biex jesprimu d-diżappunt tagħhom rigward l-abbozzi ta’ liġi preżentati mill-Gvern fil-Parlament il-ġimgħa li għaddiet, liema abbozzi jridu jemendaw l-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp u l-Att dwar it-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar.

L-għaqdiet saħqu li dawn l-abbozzi mhuma xejn għajr attentat mill-Gvern biex iħassar is-salvagwardji kollha eżistenti fil-qasam tal-ambjent u l-ippjanar – li diġà jinsab fi stat gravi ħafna – u effettivament jirrappreżentaw lista tax-xewqat tal-iżviluppaturi.

Skont l-għaqdiet, huwa evidenti li dawn il-liġijiet proposti ma jirrappreżentaw ebda “riforma”, imma huma biss għodda li se tiffaċilità kolp ta’ stat totali mill-iżviluppaturi fuq pajjiżna.

U kien propju fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni inkwetanti, illi l-għaqdiet sejħu Konferenza tal-Aħbarijiet quddiem il-Parlament…fejn fakkru li huma ilhom snin jitolbu lill-Prim Ministru sabiex jiltaqgħu u jiddiskutu r-riformi meħtieġa fl-ambjent u l-ippjanar.