Kultura Lokali

Dramm klassiku ta’ Arthur Miller fit-Teatru Manoel

Masquerade Theatre Company, flimkien mat-Teatru Manoel jippreżentaw id-dramm klassiku ta’ Arthur Miller, A View from the Bridge, f’verżjoni ġdida taħt id-direzzjoni ta’ Jean-Marc Cafà, fit-Teatru Nazzjonali ta’ Malta f’Ottubru li ġej.

Dan id-dramm jirrakkonta l-istorja ta’ Eddie Carbone, ħaddiem fil-port ta’ Red Hook fi Brooklyn, fejn il-ħajja ordinarja tiegħu tisfaxxa fi storja ta’ ossessjoni, għira u tradiment. Din hija l-iktar esplorazzjoni profonda ta’ Arthur Miller fuq il-ġustizzja, l-identità u d-dgħjufija tal-bniedem, li tibqa’ rilevanti għaż-żminijiet tal-lum: 70 sena mid-debutt tad-dramm.

Fil-partijiet ewlenin insibu lil Isabel Warrington fir-rwol ta’ Beatrice, Peter Galea li jinterpreta l-karattru ta’ Eddie u Mikhail Basmadjian bħala Alfieri – l-avukat li jservi kemm ta’ narratur kif ukoll ta’ kumpass morali. Magħhom insibu wkoll lil Thea Costa fil-parti ta’ Catherine, Matthew Dimech Genuis bħala Rodolpho, Neil Cutajar bħala Marco u Benjamin Abela fil-parti ta’ Mike. 

B’direzzjoni ta’ Jean-Marc Cafà, il-produzzjoni għandha wkoll lil Rochelle Gatt bħala direttriċi tal-moviment, xenografija ta’ Adrian Mamo, kostumi ddiżinjati minn Simona Mamo u soundscapes ta’ Matteo Depares. Din l-interpretazzjoni fiżika turi l-emozzjoni profonda u t-tensjoni tal-kitba ta’ Miller f’ambjent viżwali u dinamiku.

“Aħna onorati li ntellgħu din il-produzzjoni moderna u klassika fuq il-palk tat-Teatru Manoel” jgħid id-direttur artistiku ta’ Masquerade Theatre Company, Anthony Bezzina. “It-temi tal-immigrazzjoni, ġustizzja u kumplessità morali huma rilevanti anke llum. Aħna kburin li se nippreżentaw produzzjoni mimlija emozzjonijiet profondi, li toħloq diskussjoni.”

Id-dramm A View From the Bridge se jittella’ mill-10 sad-19 ta’ Ottubru 2025 fit-Teatru Manoel, il-Belt Valletta u hu adattat għal età 12+. Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn fuq is-siti elettroniċi www.teatrumanoel.mt u www.masquerademalta.com. L-Early Bird Offer (€5 inqas) hija valida sat-8 ta’ Settembru.