Kultura Lokali

Edizzjoni oħra tal-esebizzjoni rottArti

Wara s-suċċess li rottArti qed tikseb sena wara oħra, din il-wirja ta’ arti kollettiva se terġa’ tiftaħ il-bibien tagħha fil-25 ta’ Settembru.

rottArti tiċċelebra dak kollu li hu Malti u Għawdxi, kemm fl-arti li tiġi ppreżentata, kif ukoll fl-artisti li jipparteċipaw – esebizzjoni li saret parti essenzjali mill-attivitajiet li jsiru kull sena mill-Partit Nazzjonalista fil-perijodu li fih ikun qed ifakkar l-anniversarju ta’ Malta Indipendenti.

Din il-wirja se tkun qed titella’ fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, u tilqa’ fi ħdanha artisti varji li jużaw midja differenti fosthom il-pittura, il-fotografija, iċ-ċeramika u l-iskultura, kif ukoll element ġdid li żdied is-sena li għaddiet – l-arti diġitali.

M’hemmx limitu ta’ età fuq l-artisti li jistgħu jipparteċipaw.

Is-sena l-oħra, kienu ħadu sehem 76 artist.

Biex wieħed jipparteċipa għandu jibgħat is-sottomissjoni fuq l-email: rottarti@mail.com sa mhux aktar tard mit-22 ta’ Awwissu, bid-dettalji personali tal-artist, kif ukoll tal-arti li qed jippreżenta.

L-artist huwa wkoll mitlub biex jibgħat ritratt diġitali ta’ kwalità għolja, tal-arti u tiegħu personali, kif ukoll bijografija qasira ta’ mhux aktar minn 80 kelma.

Din l-esebizzjoni tal-arti kollettiva hija kordinata mis-Segretarju Eżekuttiv Organiżżativ tal-PN Stefan Caruana bl-għajnuna ta’ diversi voluntieri, u se tiftaħ il-Ħamis 25 ta’ Settembru fis-7:30pm b’serata li se tinkludi messaġġ mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Is-serata se tkun tinkludi qari ta’ poeżija u anke mużika.

Wara din is-serata, il-wirja se tkun qed tinfetaħ kuljum għan-nies, sal-Ħadd 12 ta’ Ottubru.

Inħeġġukom tipparteċipaw u tattendu!