Ambjent Lokali

“Fejn huma d-drittijiet tagħna?” – in-nies irrabjati għall-mossa tal-Gvern li ressaq liġijiet tal-ippjanar minn wara dahar kulħadd

“Min inaqqar il-poteri tal-Qrati, ikun Gvern dittatorjali”.

Hekk qalu diversi kelliema li t-Tnejn filgħaxija ndirizzaw lill-media barra l-Parlament, biex jitkellmu dwar l-iskandlu li qajjem il-Gvern stess biż-żewġ liġijiet li ressaq dwar l-ippjanar.

Quddiem il-Parlament, folla kbira ta’ attivisti wasslet messaġġ ċar u b’saħħtu lill-Gvern. B’ħafna jinsistu li dawn il-manuvri – fl-eqqel tas-sajf – se jnaqqru d-drittijiet taċ-ċittadini.

Preżenti kien hemm numru ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalisti, membri ta’ diversi għaqdiet, kif ukoll esponenti li għamlu snin jimmilitaw fil-Labour – li mhux jaċċettaw din il-mossa kontroversjali.

Huma insistew li l-unika talba tal-attivisti tibqa’ li ż-żewġ abbozzi li ressaq Robert Abela jiġu irtirati minnufih.

“Dawn huma żewġ pastażati”, qalu l-attivisti barra l-Parlament. “Irtirathom issa”.