Lokali Qorti

Filippina tibda għaddejja ġuri mixlija bil-qtil tas-sieħeb tagħha fil-Mellieħa

Mayumi Santos Patacsil, ċittadina Filippina ta’ 48 sena, bdiet għaddejja ġuri mixlija bil-qtil volontarju tas-sieħeb tagħha Marcelino Montalban Saraza, li seħħ erba’ snin ilu fil-Mellieħa. Allegatament il-mara użat żewġ skieken waqt id-delitt, b’daqqa minnhom tkun dik fatali li nifdet il-fwied tal-vittma, li huwa wkoll ta’ nazzjonalità Filippina.

Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fejn il-mara qed twieġeb mhux ħatja għaż-żewġ Kapi ta’ akkużi miġjubin kontriha. L-ewwel Kap ta’ akkuża l-iktar gravi dak ta’ omiċidju – l-prosekuzzjoni qed tgħid li fil-lejl ta’ bejn l-1 u t-2 ta’ Lulju tas-sena 2021, fi Triq il-Fortizza, fis-salott u fil-kċina ta’ din ir-residenza, Mayumi Santos Patacsil, bil-ħsieb li toqtol jew li tqiegħed il-ħajja tagħha f’periklu ċar, ikkaġunat l-mewt b’daqqa ta’ sikkina fil-parti t’isfel tan-naħa tal-lemin tas-sider tal-vittma.

Din id-daqqa kienet b’saħħitha biżżejjed li ppenetrat il-kavita tas-sider, ikkaġunat ferita fonda liema ferita ppenetrat il-fwied u kkaġunat emoraġija estensiva bil-konsegwenza li l-vittma Marcelino Montalban
Saraza miet fuq il-post ftit tal-ħin wara, kaġun ta’ din il-ferita.

Esperti mediko-legali ikkonkludew li l-vittma miet minħabba ‘hypovolemic shock’ (direttament ikkawżata mill-‘stab wound’ li l-istess akkużata tat f’sider il-vittma), iżda il-mewt ma kienitx waħda istantanea u l-vittma miet ftit tal-ħin wara fuq il-post sakemm dan żvina.

L-akkuża tgħid ukoll li ftit tal-ħin wara li Mayumi Santos Patacsil tat daqqa ta’ sikkina li nifdet is-sider tal-vittma, hija għamlet ferita oħra fuq in-naħa tal-lemin tal-għonq tal-istess vittma fejn pruvat tħanxarlu għonqu u ikkaġunat inċiżjoni iktar twila milli fonda b’permezz ta’ sikkina oħra u ċioe mhux bl-istess sikkina li biha nifdet is-sider tal-vittma u kkaġunatlu l-mewt.

Mill-eżamijiet forensiċi rriżulta illi din il-ferità kkanġunata f’għonq il-vittma, kienet saret f’għonqu meta huwa kien diġa miet kaġun tad-daqqa ta’ dikkina li nifdet is-sider tal-istess vittma u ppenetrat il-fwied. Ftit tal-ħin wara li l-akkuzata kienet qatlet lil Marcelino Montalban Saraza, hija marret għamlet rapport ġewwa l-Gender Based and Domestic Violence Unit tal-Pulizija fejn irrapurtat illi f’xi ħin qabel
nofsillejl hi kellha argument mal-partner tagħha, u li ntużat sikkina f’dan l-argument.

Il-prosekuzzjoni qed tgħid illi Mayumi Santos Patacsil għamlet rapport mal-Pulizija ta’ vjolenza domestika fejn qalet li hi kienet vittma filwaqt li għaddiet madwar siegħa u nofs sakemm semmiet li kienet ntużat arma waqt dan l-argument.

Hi qaltilhom ukoll illi dan l-argument kien seħħ fl-appartament fejn kienu jirrisjedu t-tnejn li huma flimkien. Illi għalhekk fuq din l-informazzioni, uffiċjal tal-Pulizija, is-Surġent Joseph Attard mar fuq il-post fejn aċċeda fir-residenza fil-Mellieħa fejn sab xena makabra ferm quddiemu.

Il-Pulizija filfatt sabet katavru mixħut fl-art, mgħotti b’kutra ħamra iċċirkondat b’tiċpis tad-dmija. Ma din is-sejba il-post ġie magħluq u preservat, anke permezz ta’ uffiċjal tal-Pulizija li tħalla fixed-point ta’ 24
siegħa mal-post imsemmi.

Irriżulta waqt l-investigazzonijiet illi l-katavru kien ta’ Marcelino Montalban Saraza, il-partner ta’ Mayumi Santos Patacsil, mill-ewwel deher li kellu ferita kbira fin-naħa tal- lemin ta’ sidru u kellu wkoll ferita twila f’għonqu.

Illi waqt li kienu qedgħin jsiru investigazzionijiet fir-residenza, l-akkużata kienet għadha fil-Gender Based and Domestic Violence Unit fejn sussegwentement ġiet infurmata li qed tinżamm taħt arrest fuq suspettat qtil tal-partner tagħha.

Fl-investigazzionijiet tal-Pulizija irriżulta ukoll illi Mayumi Santos Patacsil telqet mir-residenza b’bagalja kbira wara li kienet qatlet lil Marcelino Montalban Saraza u marret għand koppja Filippina oħra bl-ismijiet ta’ Marlon Ranada Bautista u Mariam Capina Castillo. Iżda dawn ħassewhom skomdi ħafna u rrifjutaw li jħallu lill-akkużata Mayumi Santos Patacsil torqod hemm dak il-lejl.

Filfatt Mariam Capina Castillo kienet ikkonfermat li Mayumi Santos Patacsil kienet qaltilhom li kellha argument kbir ma’ Marcelino u li tatu daqqa ta’ sikkina u li hi ħasbet li kienet segħtet qatlitu. Mill-investigazzjonijiet li kompliet twettaq il-Pulizija irriżulta illi Mayumi Santos Patacsil kellha ossessjoni kbira fuq il-partner tagħha.

Hi kienet tibgħat lil nies oħra messaġġi u telefonati li t-tonalità tagħhom dejjem kien wieħed konfrontali, iddisprati u ossessjonat, bl-akkużata ssegwi l-passi tal-partner tagħha għax hi bdiet tossessjona ruħha dwar il-possibilita’ li l-partner tagħha kien qed jkun ma’ nisa oħra u allura kienet tibgħat lil nies oħra sabiex tiċċekkja, il-ħin kollu fejn kien ikun Marcelino Montalban Saraza u xi jkun qed jagħmel;

Filfatt anke il-ġirien tal-akkużata stess ikkonfermaw illi ta’ spiss kienu jisimgħu lil Mayumi Santos Patacsil tiġġieled mal-partner tagħha filwaqt li l-ġirien tagħhom stess iddiskrivewh bħala raġel kwiet, fejn hi kienet takkużah li kien qed jkollu relazzjonijiet ma nisa’ oħra.

It-tieni akkuża tgħid li Mayumi Santos Patacsil filfatt għamlet rapport ta’ vjolenza domestika u kien biss wara li għadda ħafna ħin, madwar siegħa u nofs, li semmiet li kienet filfatt ntużat sikkina. Illi s-sejba ta’ katavru irriżultat biss wara li kien mar is-Surġent Joseph Attard fuq il-post u sab il-ġisem bla ħajja ta’ Marcelino Montalban Saraza.

Għaldaqstant Mayumi Santos Patacsil iddenunzjat reat li taf li ma sarx meta marret tagħmel rapport ta’ vjolenza domestika fittizju. Għalhekk b’għemilha l-akkużata saret ħatja illi marret tagħmel rapport ta’ vjolenza domestika fittizju.

L-ewwel xhud instema’ tard wara nofs inhar li kien is-Supretendent Godwin Scerri. L-Ispettur Scerri xehed fil-Qorti li fil-kċina tal-appartament instabet sikkina tal-kċina imtebbgħa bid-demm, madwar ħames metri ‘l bogħod mill-katavru. Sikkina oħra nstabet barra, mal-art, eżatt taħt il-gallarija.

Is-sikkina, li allegatament intużat fir-reat, kellha xafra ta’ madwar pulzier u nofs fil-wisa’ u kienet twila madwar pied. Is-sikkina l-oħra kienet twila daqstant iżda kellha xafra aktar rqiqa. L-investigaturi għaqqdu dak li ġara minn diversi sorsi ta’ informazzjoni biex jifhmu kif seħħew l-avvenimenti dik il-lejla.

Is-Supretendent Scerri qal li ġie informat bid-delitt minn surġent tal-pulizija li mar fuq il-post wara li l-mara kienet infurmat lill-pulizija li sikkina kienet intużat waqt l-aħħar argument bejnha u l-vittma. Mill-investigazzjoni preliminari rriżulta li r-raġel inqatel fl-istess kamra fejn instab. Is-Supretendent spjega li l-vittma nstab b’daqqa ta’ sikkina fl-istonku u ġrieħi fondi f’għonqu.

Huwa sostna li s-sikkina li allegatament intużat fir-reat instabet bid-demm fuqha, filwaqt li s-sikkina l-oħra nstabet barra, taħt il-gallarija, forsi bħala tentattiv biex tinħeba wara l-attakk. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mil-Avukati AĠ Kaylie Bonnett u Etienne Savona mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-Filippini qed jidher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Simon Micallef Stafrace. Il-każ kien investigat mill-Ispetturi Godwin Scerri u Shaun Pawney.