Il-kriżi umanitarja f’Gaza laħqet livelli li rari rajna bħalhom fi kważi sentejn ta’ gwerra qalila u fost rapporti li talanqas 20 Palestinjani oħra – inklużi tfal – mietu bil-ġuh f’perjodu ta’ 24 siegħa.
L-aħħar imwiet kienu konfermati meta Iżrael, issa, qed jimpenja ruħu biex iwaqqaf l-azzjonijiet militari f’diversi bnadi ta’ Gaza għal perjodi ta’ għaxar sigħat kuljum.
L-impenn hu intiż biex jiffaċilita l-movimenti tal-kunsinni tal-għajnuna lejn Gaza wara li diversi entitajiet barranin akkużaw lill-Iżraeljani b’li qed iħallu ‘apposta’ lill-Palestinjani bil-ġuh bħala ‘tattika tal-gwerra’.
Iżda minkejja li l-militar Iżraeljan qed juri ftit aktar flessibbiltà fiċ-ċirkustanzi, il-kunsinni li qegħdin jaslu f’Gaza żgur li mhumiex biżżejjed għall-għexieren tal-eluf tal-familji li jinsabu f’periklu li jmutu bil-ġuh.
Min-naħa tiegħu, Tom Fletcher, bħala l-Uffiċjal Ewlieni tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli mill-Impenji ta’ Fejda, qal li l-ftit ġranet li jmiss għandhom ikunu ‘deċiżivi’ għad-destin tal-Palestinjani f’Gaza.
Dan ukoll meta l-pawżi fil-ġlied, min-naħa tal-Iżraeljani, għandhom idumu biss għal ġimgħa u bil-futur jibqa’ ferm imprevedibbli.
Fl-istess ħin, Iżrael għadu qed jirrifjuta l-preżenza tal-media internazzjonali f’Gaza, f’sitwazzjoni li qed tikkumplika l-isforzi biex wieħed jivverifika tassew kif qed jiżvolġu ċ-ċirkustanzi fit-territorji tal-Palestinjani.
‘Emerġenza tal-ġuh bħala tattika militari’
Fi żvilupp ieħor sinifikanti, il-media f’Iżrael ma rreaġietx tajjeb għall-aħħar miżuri tal-militar biex itaffi l-kriżi tal-ġuh f’Gaza…Kriżi li l-aġenziji ta’ fejda u numru ta’ pajjiżi qegħdin iwaħħlu fir-restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kunsinni tal-għajnuna flimkien mal-għeluq tal-aċċessi lejn iz-zoni ta’ emerġenza.
Dan ukoll waqt li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed tisħaq li l-Palestinjani ‘qegħdin ibatu minn emerġenza tal-ġuh kollettiva li rriżultat minn strateġija militari speċifika’.
Fil-fatt, l-indikazzjonijiet huma li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, issa, iddeċieda biex jibdel xi ftit din l-istrateġija minħabba l-għadab internazzjonali dwar ir-ritratti u l-filmati tat-tfal Palestinjani f’xifer il-ġuh u li llum assumew id-dehra ta’ skeletri ħajjin.
Intant, Iżrael ilu jirrifjuta li teżisti tassew emerġenza tal-ġuh f’Gaza minkejja li l-provi kollha qegħdin juru li s-sitwazzjoni fl-artijiet saret impossibbli. L-Iżraeljani anki qed jiċħdu għal kull akkuża li huma responsabbli għal din il-kriżi umana.
Fl-istess ħin, numru ta’ sorsi akkużaw lil Benjamin Netanyahu b’li qed ‘itawwal’ il-gwerra ta’ Gaza għal raġunijiet politiċi u meta hu jinsab taħt pressjoni mill-partiti estremisti tal-lemin li jiffurmaw parti mill-Koalizzjoni tiegħu u li jridu jkomplu b’dan il-konflitt akkost ta’ kollox.
Fil-fatt, il-Ministru Iżraeljan għas-Sigurtà Nazzjonali, Itamar Ben Gvir u l-Ministru Iżraeljan għall-Finanzi Bezalel Smotrich, sa riċentement kienu heddew li jirriżenjaw mill-Kabinett f’każ li Iżrael kellu jippermetti aktar movimenti ta’ għajnuna lin-nies ta’ Gaza.
L-istess Ben Gvir u Smotrich huma fost grupp ta’ Iżraeljani influwenti li huma favur it-tkeċċija tal-Palestinjani minn Gaza u li t-territorju, ‘il quddiem, jimtela bil-komunitajiet tal-Lhud.
Sadanittant, ħafna Iżraeljani qegħdin jistaqsu għalfejn, wara gwerra ta’ kważi 22 xahar, is-suldati ta’ pajjiżhom għadhom qed jiġġieldu f’Gaza minkejja li l-grupp terroristiku tal-Ħamas (li wettaq l-attakki storiċi tal-2023 f’Iżrael) diġà spiċċa megħlub bħala qawwa militari.
//= $special ?>