Dak li ntwera fl-awla tal-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kien wieħed xokkanti. Filmat wera kif grupp ta’ Maltin sawwtu, offendew u heddew numru ta’ turisti Ngliżi li nhar is-Sibt kienu fil-pool ta’ lukanda ewlenija fil-Mellieħa. Waħda mix-xhieda, mara li sservi fil-Korp tal-Pulizija Ingliża, qalet “aħna ma ġejniex Malta biex nispiċċaw terroriżati”.
Dan ħareġ hekk kif raġel ta’ 29 sena minn Southampton, l-Ingilterra, li kien f’Malta bħala turist, wieġeb mhux ħati għall-akkuża li weġġa’ gravi raġel ieħor waqt ġlieda vjolenti f’lukanda ewlenija fil-Mellieħa fit-26 ta’ Lulju.
Liam Joseph Stacey tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech it-Tnejn tard wara nofs inhar, akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi waqt ġlieda li nvolviet grupp ta’ Maltin li allegatament kienu fis-sakra u qed jaġixxu b’mod aggressiv.
Xhud fil-każ irrakkonta kif il-ġlieda bdiet wara li wieħed mill-Maltin tah daqqa ta’ ponn f’wiċċ Stacey, li waqa’ fuq it-tarbija tiegħu. Wara dan l-inċident, Stacey qam u allegatament irittalja billi tah daqqa ta’ ponn lura.
Waħda mix-xhieda prinċipali kienet uffiċjal tal-Pulizija Ingliża Tonia Cook, li kienet fuq btala fil-lukanda mal-ħbieb tagħha. Hija rrakkuntat kif grupp ta’ irġiel Maltin waslu fil-lukanda dak in-nhar filgħodu u bdew jixorbu bla qies, anke fil-pool, filwaqt li wieħed mill-irġiel kien qed iżomm tarbija mdendla rasha ‘l isfel.
Cook irrimarkat li l-imġieba tagħhom kienet ta’ theddid u aggressività, u minkejja li saru diversi ilmenti, il-ħaddiema tal-lukanda naqsu milli jieħdu azzjoni u ma kien hemm ebda preżenza tas-sigurtà. Wara l-ikel, hija reġgħet lura u sabet lil dan il-grupp jitlob sunbeds u jkeċċi lill-mistednin minn fuqhom.
Rat ukoll wieħed mill-irġiel jaqbad ma’ mara fl-istess grupp u jiġbedha mix-xagħar. Cook spjegat kif il-grupp ikkomporta ruħu b’mod dejjem aktar aggressiv u ġara li bdiet ġlieda ħarxa ħdejn il-pixxina.
Rat persuna liebes qalziet aħmar literallment jarmi sunbeds u jagħti daqqiet ta’ ponn lin-nies, waqt li l-istaff irrifjuta li jċempel lill-Pulizija. Meta marret tfittex lil uliedha barra, sabet folla mdawra ma’ raġel Malti fl-art u ħabiba tagħha, li hija tabiba tal-emerġenza, kienet qed tagħmillu ‘resuscitation’.
Inċident li rovinalha l-btala
Hija qalet li l-vittma kien qed isir blu u li n-nies tal-lukanda baqgħu passivi. Hija ppruvat tikkonvinċi lill-istaff iwaqqfu lill-aggressur milli joħroġ iżda rrifjutaw għax kien klijent. Cook sostniet li hija stess waqqfet lil ħaddiem tal-lukanda milli jnaddaf u kkonfiskat iż-żona, billi qalet li jista’ jkun post ta’ delitt, u saħqet li hija uffiċjal b’esperjenza ta’ 25 sena fil-Pulizija.
Hija kienet diżgustata mill-imġieba tal-lukanda u żiedet li dan l-inċident “kissrilha l-btala”. Żvelat ukoll kif l-għarusa ta’ Stacey, Natasha Jerrard, kienet f’paniku għax l-istess grupp Malti kien qalilha li ħadu lit-tfal tagħha. Il-Qorti skużat ruħha għall-imġieba tal-patruni Maltin u ordnat li x-xhieda ta’ Cook tintbagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija għal aktar investigazzjoni.
Martin Wesley ukoll ta xhieda fil-Qorti li tappoġġja l-verżjoni ta’ Liam Joseph Stacey rigward il-ġlieda li seħħet fil-Mellieħa nhar is-Sibt, fit-26 ta’ Lulju. Huwa rrakkonta kif, waqt li kien fil-pixxina għat-tfal flimkien mal-familja tiegħu, osserva grupp ta’ Maltin – irġiel, nisa u tfal – li kienu qed jixorbu b’mod esaġerat u jġibu ruħhom b’mod traskurat.
Wesley qal li dan il-grupp kien qed jagħmel storbju żejjed u anke jitkellmu ħażin bl-Ingliż. Xi mistednin oħra tal-lukanda, kif ukoll membri tal-istaff, kienu diġà wissewhom biex jikkalmaw. Huwa qal li jaf lil Liam Stacey, għax huwa l-għarus ta’ ommu, ukoll talabhom biex jikkalmaw peress li t-tfal tiegħu beżgħu ħafna.
Skont ix-xhieda ta’ Wesley, wieħed mill-irġiel Maltin resaq qrib Stacey, beda jargumenta miegħu u f’daqqa waħda tah daqqa ta’ ponn. Stacey waqa’ fuq it-tarbija tiegħu. Huwa mbagħad irtira u ta daqq lill-aggressur lura. Żewġ irġiel oħra mbagħad ressqu ruħhom lejn Stacey, u skont Wesley, Stacey ħassu mhedded u għalhekk tah daqqa lura.
Wesley rrimarka li Stacey ma marx ifittex ġlieda, iżda rreaġixxa għat-theddid u għall-attakk. Huwa saħaq li Stacey kien fil-viċinanza tagħhom biss biex jipproteġi lill-familja tiegħu u li kollox beda minħabba li talabhom biex isikktu għax kienu qed jallarmaw lit-tfal.
Wara l-ġlieda, Wesley qal li ħadu lit-tfal ‘il bogħod, iżda wieħed mill-irġiel liebes qalziet aħmar beda jiġri warajhom. Fost dawk li ġew milquta minn Stacey, wieħed jew tnejn waqgħu mal-art. Il-Qorti rat ukoll filmat li kien qed juri l-mument eżatt fejn l-ewwel aggressur ta daqqa lil Stacey u Stacey wieġeb b’daqqa lura. Wesley kkonferma li l-filmat juri kif kollox beda b’daqqa fuq Stacey.
L-Avukat tad-difiża, Dr Stefano Filletti, staqsa lil Wesley dwar l-inħawi fejn seħħ l-inċident. Wesley kkonferma li fejn kien hemm il-buggy ta’ Liam Stacey — fejn kien hemm it-tarbija — kien qrib is-sunbeds tagħhom, u li l-aggressuri kienu daħlu fiż-żona tagħhom. Huwa tenna li Stacey ġie aggredit eżatt fejn kienu qegħdin, u għalhekk din kienet provokazzjoni ċara fuq spazju privat fil-lukanda.
Ix-xhieda ta’ Wesley wasslet biex il-Qorti tikkunsidra mhux biss min beda l-ġlieda iżda wkoll il-kuntest kollu — inkluż il-preżenza ta’ tfal, il-fatt li xi membri tal-grupp kienu fis-sakra u l-fatt li l-ġlieda seħħet f’żona pubblika fejn kienu preżenti ħafna familji.
L-aħħar xhud kienet Natasha Ann Gerrard viżibbilment emozzjonata u nkwetata. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech għamlitilha kuraġġ biex tgħinha tixhed f’atmosfera aktar kalma. Natasha rrakkuntat li kienet fil-lukanda flimkien ma’ Liam Stacey u t-tfal tagħhom, fejn kellhom bankijiet u sunloungers ħdejn il-pixxina.
Periklu fl-imġieba tal-Maltin
Qalet li wara nofsinhar, wara l-ikel, bdiet tinnota periklu fi-mġiba minn grupp ta’ Maltin. Skont Natasha, waħda min-nisa fil-grupp bdiet targumenta b’mod aggressiv mal-ħaddiema tal-lukanda għax riedu jpoġġu fuq sunbeds kollha flimkien. Din il-mara tant kienet fis-sakra li anke waqgħet mal-art u bdiet tiġġieled ma’ oħrajn fil-grupp.
Natasha qalet li t-tfal iż-żgħar li kienu magħhom bdew jibku minħabba l-imġieba tal-grupp. Minkejja li saru diversi talbiet lill-istaff tal-lukanda biex ineħħu lil dan il-grupp, ħadd ma ħa azzjoni konkreta. Hija qalet li ppruvat titkellem ma’ ħaddiem ieħor, u finalment kienet hi li qabdet tgħajjat lill-istaff fejn qaltilhom “jekk jogħġobkom keċċuhom”.
Meta hi u Liam Stacey bdew jgħidu lill-grupp “please go home”, wieħed mill-irġiel fil-grupp irrabja, resaq lejhom, u ta daqqa ta’ ponn lil Liam. Din id-daqqa kkawżat lil Liam jaqa’ fuq it-tarbija tagħhom ta’ sentejn. Natasha qalet li Liam qam minnufih u ta daqqa lura lill-aggressur, u mbagħad kollox sar kaos u ma ftakritx eżatt x’ġara wara. Qalet li taħseb li l-aggressur waqa’ mal-art.
Hi temmet billi qalet li kienet f’paniku għax ma setgħetx issib lil binha l-kbir waqt l-inċident u kienet imbeżża’ għalih. Ix-xhieda ta’ Natasha Gerrard ikkonfermat il-verżjoni ta’ Liam Stacey li hu rreaġixxa għal attakk, filwaqt li enfasizzat il-passività tal-istaff tal-lukanda quddiem l-imġieba perikoluża u aggressiva tal-grupp ta’ Maltin. Din ix-xhieda kompliet tpinġi x-xenarju bħala wieħed fejn Liam kien qed jipproteġi lil familtu.
Dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest l-Avukat tad-Difiża Stefano Filletti argumenta li l-azzjonijiet tal-akkużat għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-imġieba vjolenti tal-grupp ta’ Maltin involuti. Filletti sostna li, “l-akkużat fil-fatt ta daqqiet ta’ ponn, iżda dawn għandhom jiġu analizzati fid-dawl taċ-ċirkostanzi provokatorji u l-vjolenza evidenti mill-grupp tal-Maltin.”
Huwa talab lill-Qorti sabiex tagħti l-ħelsien mill-arrest, u saħaq li l-akkużat kien qed jirreaġixxi għal theddida diretta għalih u għal familtu. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, laqgħet it-talba tad-difiża u għoġobha tagħti l-ħelsien mill-arrest lil Stacey taħt kundizzjonijiet speċifiċi.
Il-Qorti ordnat dan fuq garanzija personali ta’ €1,000 u li jiffirma darba fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija. Barra minn hekk, il-Qorti ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jiftaħ investigazzjoni estensiva dwar allegat ħsara fuq proprjetà ta’ terzi, disturb pubbliku, theddid u insulti, li jistgħu jkunu nqala’ min-naħa tal-grupp ta’ Maltin.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Brandon Bonnici, assistit mill-Ispetturi Bradley Grima u Clayton Camilleri. L-akkużat Liam Joseph Stacey kien assistit mill-Avukat Stefano Filletti. Il-każ se jkompli nhar l-Erbgħa fin-12.30pm.
//= $special ?>