Raġel ta’ 31 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest sitt ijiem wara li kien tressaq il-qorti akkużat li kkommetta reati ta’ theddid u fastidju fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu u li dan eskala fejn saħansitra heddidha bil-mewt.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Lara Lanfranco, semgħet kif l-akkużat – li ma jistax jissemmà b’ordni tal-qorti – qed jiffaċċja diversi akkużi serji, fosthom li kkawża biża’ ta’ vjolenza fuq il-vittma, li heddidha, insulentha u attakkha fiżikament.
Huwa qed jiġi mixli wkoll li abbuża minn tagħmir elettroniku b’rabta mal-każ. Huwa qed jiġi wkoll akkużat li kiser ordni ta’ trażżin li kienet diġà ngħatat favur il-mara fl-2023, u li kkommetta reat waqt li kien taħt ordni ta’ probation.
Il-mara xehdet fil-Qorti li r-relazzjoni tagħhom kienet waħda ta’ “on and off” u kienet ilha tisssaportih għal madwar seba’ snin. Qalet li kienet diġà rrappurtatu lill-Pulizija sentejn ilu. Minkejja dan, kienet hi li reġgħet ikkuntattjatu f’tentattiv biex jerġgħu jirranġaw.
Madankollu, ir-relazzjoni dehret tmur għall-agħar. L-istess vittma rrakkuntat kif f’każ partikolari huwa beżaq fuqha ħames darbiet. Barra minn hekk, kienet spiss issibu jgħaddi minn postijiet fejn kienet tkun hi, inkluż qrib id-dar tagħha, bejn is-6 u s-17 ta’ Lulju.
Fit-18 ta’ Lulju, filgħodu, il-mara rrakkuntat kif l-akkużat segwijha bil-karozza waqt li kienet sejra għax-xogħol, u beda jgħajjaraha mill-vettura tiegħu: “Se noqtlok.” F’ħin minnhom, saħansitra qabeż fil-karreġġjata tagħha u waqqafha milli tkompli ssuq.
Meta ppruvat iċċempel 112 għall-għajnuna, l-akkużat allegatament ħadilha l-mobile minn idejha. Meta beda jinġema’ t-traffiku warajhom, kienu mġiegħla jkomplu jsuqu. Il-mara qalet li wara ħasbet li ħelset minnu, iżda huwa reġa’ deher u wasal viċin biżżejjed biex daħlilha fil-karozza tagħha u ħadilha l-kartiera – xi ħaġa li hija ddeskriviet bħala attentat biex iwaqqafha milli titlaq.
Aktar tard, huwa ċemplilha u qalilha li kellu l-kartiera u offra li jerġa’ jirritornaha. Il-mara qaltlu li kienet sejra tirrapporta l-każ fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġwann. Madankollu, huwa pprova jċaħħadha milli tagħmel dan, u saħansitra offrilha flus minflok. Qalet li kienet bdiet tirrekordja video twil li juri l-akkużat isegwiha bil-karozza.
Minkejja l-insistenza tiegħu biex ma tirrappurtahx, huwa bagħtilha flus, li hi sostniet li kellha l-intenzjoni li tirritorna. Wara waqfet għand ommha, u mbagħad marret fl-Għassa u ressqet ir-rapport. Fil-Qorti, il-mara qalet b’mod ċar: “Ġenwinament kelli biża’ għall-ħajti. Emmint li kien se joqtolni.”
Waqt is-smigħ, il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Omar Zammit u d-difiża mmexxija mill-Avukati Franco Debono, Adreana Zammit u Anthea Bonnici Zammit ressqu s-sottomissjonijiet tagħhom dwar il-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talba ladarba l-vittma kienet diġà xehdet u ordni ta’ protezzjoni kienet ser tingħata.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-akkużat jiġi liberat taħt garanzija personali ta’ €10,000. Ġie wkoll ordnat li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija erba’ darbiet fil-ġimgħa, u ġie impost curfew flimkien ma’ ordni ta’ superviżjoni temporanja.
//= $special ?>