Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie allegat li kien qed imexxi “supermarket żgħir tad-droga”

Il-Qorti semgħet kif raġel li nqabad fil-pussess ta’ kokaina, gass tan-nitru (‘laughing gas’) u kannabis f’Paceville kien qed imexxi dak li ddeskriviet il-prosekuzzjoni bħala “supermarket żgħir tad-droga”.

Nehemiah Andrew Lee Perry, raġel ta’ 32 sena ta’ nazzjonalità Ġamajkana li joqgħod Pembroke, ġie arrestat fit-26 ta’ Lulju f’nightclub f’Paceville, wara li l-Pulizija rċevew informazzjoni li kien hemm persuna li qed tbigħ bżieżaq mimlija bin-nitrous oxide – magħruf aħjar bħala “laughing gas”.

Meta marru fuqu l-Pulizija, Perry ikkopera inizjalment u ta l-‘backpack’ li kellu fuqu, u fih instab ċilindru tan-‘nitrous oxide’. Madankollu, irrifjuta li jagħti borża iżgħar li kellu miegħu u rreżista meta l-Pulizija ppruvaw jarrestawh.

Din il-borża żgħira kien fiha tmien pakketti żgħar ta’ kokaina suspettata u 20 pakkett ieħor ta’ kannabis, kif ukoll ċavetta ta’ karozza li wasslet lill-Pulizija biex isibu aktar ċilindri tan-‘nitrous oxide’ fil-vettura.

Waqt il-kumpilazzjoni, id-difiża mmexxija mill-avukati Franco Debono u Adreana Zammit talbet għall-ħelsien mill-arrest, u argumentat li Perry għandu rabtiet sodi ma’ Malta u m’għandux preċedenti kriminali.

Il-prosekuzzjoni, rappreżentata mill-Ispettur tal-Pulizija Jonathan Pace u l-Avukat milll-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Nadia Ciappara, oġġezzjonat għat-talba, u sostniet li Perry kien qed imexxi “supermarket żgħir tad-droga”, b’varjetà ta’ sustanzi pprojbiti li kienu għall-bejgħ.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, fid-dawl tan-natura serja tal-akkużi u l-indikazzjonijiet li l-attivitajiet tiegħu kienu intenzjonati għall-kommerċ.

Il-każ se jkompli fl-istadji li jmiss waqt li l-imputat jibqa’ miżmum taħt arrest preventiv.