Lokali

L-għaqdiet jappellaw lill-PM biex jirtira l-abbozzi tar-riforma fl-ippjanar

Front magħqud ta’ għaqdiet kiteb ittra indirizzata lill-Prim Ministru Robert Abela biex jesprimi d-diżgust tiegħu fir-rigward tal-abbozzi ta’ liġi ppreżentati mill-Gvern fil-Parlament il-ġimgħa li għaddiet, liema abbozzi jridu jemendaw l-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp u l-Att dwar it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar. L-għaqdiet saħqu li dawn l-abbozzi mhuma xejn għajr attentat mill-Gvern biex iħassar is-salvagwardji kollha eżistenti fil-qasam tal-ambjent u l-ippjanar – li diġà jinsab fi stat imwiegħer ħafna – u effettivament jirrappreżentaw lista tax-xewqat tal-iżviluppaturi.

Huwa evidenti li dawn il-liġijiet proposti ma jirrappreżentaw ebda “riforma”, imma huma biss għodda li se tiffaċilità kolp ta’ stat totali mill-iżviluppaturi fuq pajjiżna. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni inkwetanti, l-għaqdiet qed isejħu għal Konferenza Stampa, illum 28 ta’ Lulju fis-6pm, quddiem il-Parlament.

L-għaqdiet tennew li ilhom snin jitolbu laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela sabiex jiddiskutu r-riformi tant meħtieġa fil-qasam tal-ippjanar ewlenija fosthom ir-riforma fil-liġi tal-appelli tal-ippjanar. Il-Prim Ministru Robert Abela, iżda, mhux biss injora t-talba tal-għaqdiet għal djalogu, iżda issa fassal liġijiet ġodda sabiex iżarma għalkollox l-istrutturi legali eżistenzi li jassiguraw ftit diċenza fil-qasam tal-ippjanar.

Fl-ittra indirizzata lill-PM, l-għaqdiet ikkundannaw in-nuqqas ta’ trasparenza fit-tfassil ta’ dawn il-liġijiet, hekk kif ma kien hemm ebda forma ta’ konsultazzjoni pubblika. Innutaw ukoll li l-Gvern għażel li jippreżenta, b’mod mgħaġġel, liġijiet perikolużi bħal dawn fis-sajf. Dawn it-tattiċi mhumiex denji ta’ Gvern demokratiku, u huma sinjali perikolużi ta’ Gvern li jinsab maħtuf minn interessi b’saħħithom ħafna li qed ixejnu l-bażi tad-demokrazija f’pajjiżna.

L-għaqdiet tennew l-appell tagħhom sabiex dawn l-abbozzi perikolużi jiġu rtirati minnufih. Huma qed iwissu li ninsabu f’punt kritiku ħafna għal pajjiżna: jekk il-Gvern se jwebbes rasu u jdaħħal dawn il-liġijiet, dan se jfisser diżastru għal pajjiżna u għall-futur ta’ wliedna. L-għaqdiet sejħu lill-Gvern sabiex iniedi proċess trasparenti u inklussiv għal riforma fl-ambjent u l-ippjanar.