Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni ressqet 427 mistoqsija parlamentari bil-miktub

Jirriżulta li matul din il-leġiżlatura l-membri tal-Oppożizzjoni ressqu bil-miktub aktar minn 400 mistoqsija lil 19-il Ministru – inkluż lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. B’kollox saru xejn anqas minn 429 mistoqsija bil-miktub u li għalihom il-ministri wieġbu 394. Dan ifisser li sal-16 ta’ Lulju, 33 mistoqsija għad ma kenitx imwieġba.

Din l-informazzjoni ta l-Ispeaker Anġlu Farrugia. Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea staqsiet lill-Ispeaker jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta’ mistoqsijiet parlamentari bil-miktub li ġew sottomessi matul din il-leġiżlatiura, Ministeru b’Ministeru, u kemm minn dawn id-domandi għadhom mhux imwieġba, Ministeru b’Ministeru.

Jirriżulta li l-akbar numru ta’ mistoqsijiet mill-Oppożizzjoni saru lilll-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika. B’kollox saru 38 domanda bil-miktub mill-Oppożizzjoni lill-Ministru Miriam Dalli.

Ammont ieħor sostanzjali ta’ mistoqsijiet parlamentari saru lill-Ministru Clifton Grima li jmexxi l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjonji. Hu wieġeb bil-miktub 34 mistoqsija parlamentari.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru sarulu b’kollox 23 mistoqsija mill-membri tal-Oppożizzjoni matul din il-leġiżlatura u wieġeb 20.