F’ittra indirizzata lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM), appoġġjat minn aktar minn 75 ġurnalist u editur lokali, ħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvern Malti biex jieħu pożizzjoni ċara dwar dak li l-istess istitut jiddeskrivi bħala delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità f’Gaża.
Il-firma ta’ dawk kollha li pparteċipaw isservi ta’ appell lil Malta biex tiddenunzja pubblikament il-ġuħ sistematiku taċ-ċivili, tappoġġja l-isforzi internazzjonali għall-protezzjoni tal-ġurnalisti, u tappoġġja s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael fid-dawl ta’ dak li jiddeskrivu bħala ksur tal-liġi internazzjonali minn Iżrael.
Fl-istess ittra, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin sostna: “Aħna nitolbu li l-Gvern tar-Repubblika ta’ Malta jiddefinixxi b’mod ċar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-ġenoċidju/jew id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità f’Gaża,”. Dan filwaqt li akkuża lill-gvern li “jinħeba wara formulazzjonijiet newtrali” u li naqas milli juri t-tmexxija morali meħtieġa f’tali kriżi umanitarja.
L-ittra, iffirmata minn ġurnalisti tat-Times of Malta, MaltaToday, The Malta Independent, Newsbook, Lovin Malta, Net Media fost oħrajn, tenfasizza s-sitwazzjoni allarmanti tal-ġurnalisti f’Gaża li saħansitra qed imutu bil-ġuħ minħabba l-imblokk u l-vjolenza li għaddejja.
L-IĠM kompla jgħid li: “Mill-inqas 187 ġurnalist u ħaddiema tal-midja nqatlu mill-bidu tal-gwerra f’Gaża.” Dan skont ċifri mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti.
Mingħand il-Gvern, l-IĠM qed jitlob:
- Kundanna uffiċjali tal-użu tal-ġuħ u ċ-ċaħda tal-għajnuna bħala arma tal-gwerra.
- Pożizzjoni pubblika ċara dwar l-azzjonijiet tal-Iżrael u l-appoġġ għas-sospensjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael.
- Appell għall-protezzjoni tal-ġurnalisti lokali f’Gaża.
- Appoġġ għal investigazzjoni internazzjonali dwar l-użu tal-ġuħ bħala delitt tal-gwerra.