Opinjoni

OPINJONI: Il-Gvern jibdel ir-rotta bis-saħħa tal-oppożizzjoni li għamel il-PN

Wara li l-Gvern Laburista ressaq Abbozz ta’ Liġi biex jagħmel tibdil fid-direzzjoni fir-rigward tal-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza … u l-passaport Malti

minn Alex Perici Calascione
Viċi Kap
Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista qatt ma kien kontra li Malta jkollha, bħal xi pajjiżi Ewropej oħra, programm li jwassal għal ċittadinanza Maltija. Dak, però, li l-Partit Nazzjonalista kien totalment kuntrarju għalih kien programm li ma kienx ifisser xejn inqas ħlief il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija.
Din l-oġġezzjoni li kellu l-Partit Nazzjonalista titwieled minn punt ta’ prinċipju bażiku li ċ-ċittadinanza Maltija u l-passaport Malti li jixhidha mhumiex xi prodott li għandu jitqiegħed fuq l-ixkaffa u li miegħu jitwaħħallu prezz biex kull min irid ħalli jipprova jixtrih.
Għaldaqstant l-oppożizzjoni soda u ċara li qajjem il-Partit Nazzjonalista sa mill-ewwel darba li l-Gvern Laburista kien introduċa l-Liġi li permezz tagħha nieda programm ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza Maltija, kienet waħda ta’ prinċipju favur il-valur taċ-ċittadinanza Maltija; valur li m’għandux prezz għaliex hu valur inestimabbli.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista dak iż-żmien mhux biss ħadet pożizzjoni fuq bażi ta’ prinċipju fundamentali, imma kienet ukoll wissiet lill-Gvern Laburista li b’dak li kien qiegħed jipproponi kien qiegħed f’riskju kbir li jmur kontra l-prinċipji fundamentali anki ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam maċ-ċittadinanza Ewropea fiha nnifisha.
Il-Gvern Laburista għażel li ma jagħtix widen għal din it-twissija. Ir-raġuni nnifisha għaliex il-Gvern ma tax widen kienet daqstant inkwetanti.
Dan għaliex kif irriżulta fi ftit taż-żmien wara għall-Gvern Laburista din l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti kienet waħda miż-żewġ mudelli ekonomiċi, flimkien ma’ dik tal-importazzjoni taċ-cheap labour, li kien kapaċi joħroġ bihom il-Gvern Laburista.
Għalhekk anki lil hinn minn kull kunsiderazzjoni oħra, għall-Gvern Laburista l-bejgħ tal-passaporti kien ir-risposta tiegħu biex jipprova jpaċi dak li kien għamel Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista li għal pajjiżna ġab settur ekonomiku ġdid u innovattiv wieħed wara l-ieħor; setturi li għadna ngawduhom sal-ġurnata tal-lum.
Ma tantx għadda żmien imbagħad li t-twissija serja tal-Oppożizzjoni serja Nazzjonalista bdiet isseħħ fir-realtà tal-pressjoni li l-Unjoni Ewropea, li tagħha wkoll il-Gvern Laburista kien qiegħed ibiegħ iċ-ċittadinanza, bdiet tagħmel fuq il-Gvern Malti dwar dan il-programm.
Anki hawn il-Gvern Laburista kellu l-opportunità li jreġġa’ lura l-ħsara internazzjonali li kienet qed issir lil pajjiżna billi jreġġa’ lura l-pożizzjoni tiegħu. Dan m’għamlux u minflok ibiddel ir-rotta għall-ġid tal-pajjiż il-Gvern Laburista kien għażel li jdaħħal emendi fil-Liġi li prattikament biddlu ftit il-forma iżda ħallew is-sustanza l-istess.
Dan wassal biex pajjiżna kien imħarrek quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f’kawża li hi wkoll kompliet ittappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u li għaliha pajjiżna intortament iddaħħal minħabba l-aġir irresponsabbli tal-Gvern Laburista.

Sentenza mill-Qorti Ewropea li ċanfret lill-Gvern Malti
Dan wassal għas-sentenza li tat il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-ġimgħat li għaddew. Din is-sentenza tat raġun għat-twissijiet kollha tal-Partit Nazzjonalista li ripetutament wissa’ lill-Gvern. Iżda ċertament li din is-sentenza ma ġġib l-ebda sodisfazzjon lill-Partit Nazzjonalista għaliex hi wkoll kompliet iddgħajjef ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Rinfaċċat b’din is-sitwazzjoni, il-Gvern Laburita sa fl-aħħar ippreżenta fil-Parlament fil-jiem li għaddew Abbozz ta’ Liġi li din id-darba mhux sempliċiment jemenda l-programm tal-bejgħ tal-passaporti, iżda qiegħed iħassru u qiegħed jirrevokah kompletament.
Għaldaqstant illum il-Gvern Laburista kellu jreġġa’ lura mill-pożizzjoni inizjali tiegħu u jagħraf li t-triq għaċ-ċittadinanza Maltija mhix permezz ta’ ħlas ta’ prezz, imma hi permezz ta’ mertu li jagħti rabta ġenwina ma’ pajjiżna u li jwassal għal kontribut serju, effettiv u importanti għall-iżvilupp ta’ Malta u Għawdex.
Dan it-tip ta’ mertu isaħħaħ iċ-ċittadinanza Maltija u mhux jixtriha. Dan hu żvilupp importanti ħafna għaliex filwaqt li jħalli lil pajjiżna għażliet simili bħalma għamlu pajjiżi oħrajn, iħalli mhux mittiefes il-valur taċ-ċittadinanza tagħna.

Żvilupp pożittiv
Għalhekk il-preżentazzjoni ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi tfisser ukoll żvilupp pożittiv fih innifsu. Issa wieħed jgħaddi għall-istadju li jifli fid-dettall dak li l-Gvern qiegħed jipproponi b’mod li l-Oppożizzjoni tkun tista’ tikkunsidrah kif jitħaddem fil-prattika.
F’dan is-sens it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista flimkien mal-Grupp Parlamentari f’dawn il-jiem qegħda tqis kull tali dettall u dan bl-iskop li jkun jista’ jintlaħaq l-aħjar metodu kif din il-Liġi tkun tista’ titħaddem tassew skont l-istess prinċipji dikjarati fiha.
Għall-Partit Nazzjonalista dan it-tibdil fir-rotta li kellu jasal għalih il-Gvern Laburista mhux xi rebħa partiġjana għaliex il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista sa mill-ewwel ġurnata ma kienet qatt waħda ta’ gwadann partiġjan, imma kienet biss waħda ta’ apprezzement u difiża għall-valur taċ-ċittadinanza Maltija.
Din kienet għalhekk pożizzjoni favur Malta u Għawdex kollha kemm huma. Hu fl-istess spirtu u bl-istess sens qawwi ta’ responsabbilità li l-Partit Nazzjonalista laqa’ u se jkompli jqis dan l-Abbozz ta’ Liġi ppreżentat mill-Gvern fit-twemmin li dan it-tibdil fundamentali fid-direzzjoni hu ta’ ġid għall-pajjiż kollu kemm hu.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument  tal-Ħadd 27  ta’ Lulju, 2025.