Opinjoni

OPINJONI: Konvenjenza

Il-politika li niktbu u nitkellmu dwarha tifred lil dawk li jservu fiha f’żewġ gruppi. Dawk li daħlu biex iservu lill-oħrajn u jsegwu linja ta’ prinċipju u dawk ferm inqas, li jħarsu anzi aktar lejn dak li huwa konvenjenenti għalihom

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

  1. Sfortunatament, dawn tat-tieni kategorija qed jinfluwenzaw wisq il-politika tagħna. Jekk qabel kienu fil-minoranza, issa wisq nibża’ li saru, u daħlu, fil-maġġoranza. Il-konvenjenza fiha tagħha u taltera l-binarji tal-politika.
    Iktar u iktar meta fis-soċjetà tagħna aħna mdorrijin b’politiċi ta’ onestà u integrata li lesti li jissagrifikaw lilhom infushom għall-oħrajn.

Darrejna

  1. F’dan wieħed irid ikun aktar attent biex inrawmu kultura differenti. Iktar u iktar meta t-triq tal-karriera politika hi differenti minn dik li kienet qabel.
    Waqt li f’ħidmiet passati dawk fil-politika kienu jgħaddu minn għarbiel partikolari, illum dan m’għadux l-istess. Biex titla’ ’l fuq tista’ timxi skaluna skaluna fid-diffikultajiet li s-soċjetà tagħti. Tista’ wkoll, u f’dan titlef din l-esperjenza unika, issib ruħek mill-ewwel fuq.
    Tkun ilħaqt mingħajr ma tbati, imma meta ssegwi dan tibda iktar tidħol fit-triq tal-konvenjenza u dan iktar milli f’dik tat-tbatija tal-prinċipju.
    Verament f’dan, hija forma stramba ta’ rifless ta’ dak li aħna, fis-sens li hawn iktar min ifittex il-kumdità u jaħrab it-tbatija.

Mhux blalen

  1. F’dan iktar għax il-bnedmin mhumiex blalen. Ballun tista’ tagħtih daqqa ta’ sieq u jaħbat bil-forza li trid mal-ħajt u jiġi b’daqstant ieħor lura, imma l-bnedmin le. Ftit ħafna huma dawk li jservu f’din il-linja li meta jlaqqtu dik id-daqqa jiġu lura.
    Il-maġġoranza jibqgħu fejn huma, jistennew li l-affarijiet jinbidlu. Jibqgħu jaraw jekk l-arja tinbidilx u jekk min qiegħed isejjaħ huwiex ġenwin jew le. Ifittxu l-irġulija u l-onestà. Ifittxu jaraw jekk bniedem huwiex awtentiku fi kliemu u f’ħidmietu.
    Jekk fil-fatt ġarrabx fit-triq iebsa li l-ħajja tagħti jew kienx għaddej fuq il-lixx. Jekk waqax, tbenġilx, inbaraxx, ġiex infaxxat u wara, jekk xorta kienx kapaċi jerġa’ jqum fuq saqajh u jimxi.

L-irġulija tiġi

  1. F’din it-triq hemm il-linja li tifred u tissoda lill-bnedmin. Il-politika tal-prinċipju u mhux tal-konvenjenza tagħmel minn dak li jkun wieħed li jiġi kkunsidrat f’għajnejn il-bnedmin fuq kulħadd.
    Jekk nisma’ kliem ta’ nostalġija passata fuq politiċi differenti u li jispikkaw, dan ġej proprju mill-għażliet tagħhom favur l-irġulija. Dik li minnha l-ħidma ssir fuq il-linja ta’ dak li huwa sewwa u dak li għandu jkun, mhux il-kontra.
    Il-liġijiet, il-ħidma politika jsiru jew fuq dak li huwa verament l-aħjar, inkella fuq dak li taħseb li ser iżidlek il-voti. Tat-tieni wieħed jaħseb li hija l-aħjar linja, imma maż-żmien tinduna li mhijiex hekk. Tinduna li tista’ tirbaħ wieħed imma li fil-fatt, wara, titlef diversi oħrajn.
    Dan l-iktar għax dak li ma jistax jagħti frott ma tistax tibni fuqu.

F’dan iż-żmien

  1. F’dan il-perjodu partikolari li għaddejjin minnu huwa iktar ċar li għandna opportunità unika għad-dispożizzjoni tagħna. F’ħafna, il-karti nfetħu mill-ġdid.
    Hemm linja li nistgħu naqbdu b’attenzjoni mingħajr kunflitti inutli u bil-ħsieb kontinwu li fl-għaqda, u mhux fid-differenzi, wieħed jirbaħ. Il-passi ’l quddiem iġibuna f’daqqa jekk ikun hemm proġett politiku komuni. Wieħed li jrid jinbena mingħajr biża’ fuq il-prinċipju.
    L-esperjenza politika f’pajjiżna u barra hi li persuna tkun iktar lesta tivvota partit li taf x’jaħseb, abjad u iswed, anki jekk ma taqbilx għalkollox miegħu.
    F’dan għandna iktar il-vantaġġi li joffrulna l-prinċipji Demokratiċi-Kristjani li nħaddnu u li qabel ħaddanna b’suċċess.

Dak li tirbaħ bih

  1. Għalhekk għalija hu proprju ferm iktar evidenti li f’dan il-mument partikolari għandu jkun il-prinċipju li jirbaħ fuq il-konvenjenza.
    Min irid jinjora dan ikun qiegħed jidher li miexi ’l quddiem, imma fil-fatt ikun qiegħed jibqa’ wieqaf fejn hu. Lezzjoni li jagħtina l-passat u li għandna nsegwu biex ma nitilfux din l-okkażjoni unika li għandna quddiemna u f’idejna.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument  tal-Ħadd 27  ta’ Lulju, 2025.