Opinjoni

OPINJONI: Mira Ċara għall-Futur

minn Alex Borg

Il-Partit Nazzjonalista jinsab f’salib it-toroq, u l-mira ċara trid tkun li tintrebaħ l-elezzjoni li jmiss, mhux ta’ wara. Ma nistgħux inħallu lill-pajjiż seba’ snin oħra mmexxi f’din id-direzzjoni.

Dan hu l-mument għall-bidla ġenerazzjonali biex nimmodernizzaw lill-Partit Nazzjonalista u jsir forza politika b’saħħitha.

It-tmexxija l-ġdida trid tkun imsejsa fuq l-inklussività, team work u għaqda, mhux individwaliżmu. Irridu nibnu moviment miftuħ għal ideat differenti fejn nisimgħu, niddiskutu u niddeċiedu b’mod trasparenti u responsabbli.

Il-proposta tiegħi għall-partit tinkludi ħolqien ta’ Leadership Delivery Office biex jiżgura li l-wegħdiet jitwettqu, riorganizzazzjoni tal-istruttura interna tal-partit, u ħatra ta’ CEO mhux politiku għal tmexxija amministrattiva, ġbir ta’ fondi, sorveljanza finanzjarja u twettiq professjonali tas-servizzi amministrattivi kollha tal-partit.

Il-riorganizzazzjoni tal-istruttura interna tal-partit se tiffoka fuq diversi aspetti kruċjali. Se ssir ħidma intensiva fuq l-immaniġġjar tat-tesseri u skemi ta’ sħubija, inkluż dawk kummerċjali, filwaqt li tissaħħaħ il-funzjoni tal-kumitati lokali u l-fergħat biex ikollhom sehem akbar u aktar sinifikanti fit-tfassil tal-politika tal-Partit Nazzjonalista. Fl-istess ħin, se tiġi msaħħa l-preparazzjoni għall-elezzjoni ġenerali bil-mira ċara li tintrebaħ, u dan se jsir permezz ta’ ħatra immedjata ta’ General Election Campaign Manager li jkun responsabbli li jipprepara l-partit għal kampanja effettiva u organizzata.

Fuq livell nazzjonali se nara li tiġi organizzata Konvenzjoni Nazzjonali għall-Futur ta’ Malta li tinvolvi lis-soċjetà ċivili, żgħażagħ, negozjanti u akkademiċi. Din se tiffoka fuq prijoritajiet bħall-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni, tkabbir sostenibbli tal-popolazzjoni, riforma edukattiva, saħħa preventiva, sostenibbiltà ambjentali u trasformazzjoni diġitali.

Ir-riżultati se jservu ta’ bażi għal qafas politiku fit-tul li jiggwida lill-pajjiż lil hinn miċ-ċikli politiċi qosra.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 28 ta’ Lulju, 2025.