minn Adrian Delia
Mill-ewwel ġurnata tiegħi fil-politika, tkellimt dwar mod ġdid. Xi jkun dan il-mod ġdid? Il-Mod Ġdid ifisser li tibni fuq dak li diġà huwa tajjeb, li ttejjeb dak li jista’ jkun aħjar, u tagħmel mill-Partit Nazzjonalista saħħa politika li mill-ġdid teżisti biex tmexxi u tirbaħ.
Minn fejn jibda dan kollu? Jibda proprju minnkom, tesserati u partitarji. Irridu nisimgħu dak li taħsbu, irridukom lura fil-propretajiet tagħna. Spiss nitkellmu fuq l-assi li għandu l-partit, ħafna proprjetà tagħna, oħrajn b’kera. Jien irrid nagħmel minn dawn mhux biss strument ta’ gwadann finanzjarju iżda wkoll ċentri ta’ ħajja soċjali.
Postijiet fejn isir id-djalogu, fejn il-messaġġ tagħna jilħaq lill-poplu. Fejn iż-żagħżagħ jingħataw spazju għall-kreattività u l-inizjattivi tagħhom. Postijiet fejn l-anzjani tagħna jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma’ min hu għatxan għat-tagħlim.
Ma rridx nara iktar bibien ta’ każini tagħna magħluqa. Ma rridx nisma’ silenzju. Irrid bibien miftuħin beraħ. Irrid nisma’ l-vuċijiet tagħkom mimlija entużjażmu u attività. Il-partit tagħna għandu jkun preżenti kullimkien biex jilqa’ lil dawk kollha ta’ rieda tajba u joffri ambjent sikur u familjari lilkom ilkoll.
Irridu nieqfu ngħidu li se nippruvaw innaqqsu d-distakk għax dik mantra li matul is-snin ma wasslitna mkien. Għalhekk il-proprjetajiet tagħna għandhom ikunu l-qalb tal-mentalità ġdida li iva, flimkien, nistgħu nirbħu… u se nirbħu.




Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 28 ta’ Lulju, 2025.
//= $special ?>