Ambjent Lokali

“Pajjiżna ħaqqu aħjar” – tikber il-kritika lejn il-liġijiet il-ġodda tal-ippjanar

L-Ingliż jgħid li “what you see is what you get”. Fil-każ ta’ Robert Abela, dan ma jgħoddx.

Hekk stqarr l-Editorjal tal-MaltaToday, li spjega li l-bomba li nxteħtet mill-Prim Ministru l-ġimgħa li għaddiet, uriet li dak li tenna Abela lura fl-2023, trasforma ruħu f’liġi li taġevola lill-iżviluppaturi u n-negozji l-kbar.

L-editorjal jispjega wkoll li apparti li issa, Abela għamilha aktar diffiċli biex permess jiġi revokat wara appell, il-bidliet li qed jipproponi l-Gvern Laburista jippermettu sistema ta’ ppjanar li se tiffavorixxi lill-iżviluppaturi.

Il-bidliet imressqa jfissru li jekk il-Qorti tal-Appell ma tagħtix sentenza f’ħames xhur – l-iżviluppatur jista’ jibda x-xogħol fuq il-propjetà, u li s-sentenzi tal-Qorti li jiġu wara huma irrelevanti anke jekk tiddikjara li l-binja tkun illegali.

Madanakollu, il-liġi tati wkoll aktar poteri lill-Ministru, f’dan il-każ, Clint Camilleri. Fejn jekk tgħaddi – jista’ jingħata l-poter li jintroduċi regolamenti li jistabbilixxu; proċeduri, kriterji u kundizzjonijiet taħt liema binijiet illegali jistgħu jiġu assessjati, regolati jew inkella indirizzati mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Intant, l-editorjal jispjega kif Robert Abela u sieħbu Clint Camilleri baxxew rashom għall-iżviluppaturi. Bl-editorjal jiddikjara li Camilleri u Abela, setgħu ħelsu lil kulħadd mid-diffikultà li jaqraw il-liġi u qabdu u eliminaw l-Awtorità tal-Ippjanar għal kollox.

Din l-analiżi tgħid ukoll li issa, l-Labour jista’ jwaqqaf minn issa r-retorika kontra l-PN sabiex jiġġustifika l-iżbalji li qed isiru llum il-ġurnata. Dan filwaqt li għandu jieqaf jitfa’ l-ħtijja fuq amministrazzjonijiet preċedenti.

L-editorjal appella sabiex il-Prim Ministru ma jgħaġġilx u sabiex ipoġġi lil pajjiżna u lil uliedna fuq quddiem tal-aġenda tiegħu – għaliex pajjiżna ħaqqu aħjar.

Intant, fl-aħħar sigħat, kompliet tikber il-kritika għal din il-liġi, li ġiet deskritta bħala waħda antidemokratika. Bil-Kap Eżekuttiv tal-BirdLife Mark Sultana jiddeskrivi dan it-tibdil bħala wieħed oxxen.

U minkejja l-baraxx ta’ kummenti bħal dawn li rċieva l-Prim Ministru, Robert Abela ilbieraħ insista li dawn huma “taqliba ta’ taħt fuq tal-verità”.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech minn naħa tiegħu qed jibqa’ jinsisti li din il-mossa tal-Gvern tirrestrinġi d-drittijiet taċ-ċittadini.