Raġel ta’ 34 sena minn Ħal Qormi, Cranston Portelli, kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati li ta daqqa b’sikkina lil raġel ieħor f’Birkirkara. L-inċident seħħ fit-22 ta’ Awwissu 2021 quddiem il-każin tal-banda Santa Liena Duke of Connaught, fi Triq il-Wied.
Il-Pulizija kienu ġew infurmati li kien hemm persuna feruta fuq il-post. Meta marru hemm, sabu lir-raġel mixħut mal-art u mdawwar minn tliet nisa. Il-vittma kellu riħa ta’ alkoħol u kien qed iġib ruħu b’mod aggressiv lejn il-Pulizija. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li kien sofra ġrieħi gravi.
Waqt l-investigazzjonijiet, persuna anonima infurmat lill-Pulizija li kien hemm argument bejn il-vittma u Cranston Portelli, li beda ġewwa l-każin. L-Ispettur Andrew Agius Bonello ressaq lil Portelli quddiem il-Qorti u akkużah li kkaġuna ġrieħi gravi b’daqqa ta’ sikkina.
Matul il-kumpilazzjoni, il-barman tal-każin xehed li ra lil Portelli u lill-vittma jixorbu flimkien, iżda f’ħin minnhom inqala’ argument u keċċa lil Portelli barra mill-każin, waqt li lill-vittma ħallieh ġewwa. Huwa spjega li l-argument li seħħ ġewwa l-każin, kien biss verbali.
Il-vittma, li kien imsejjaħ biex jixhed, għażel li ma jagħmilx dan biex ma jinkriminax lilu nnifsu, kif jippermettilu d-dritt taħt il-liġi. Il-Maġistrat Monica Vella qalet li dan ma jfissirx li rrinunzja għall-kawża.
Fil-konklużjonijiet tagħha, il-Maġistrat osservat li l-imputat kien barra l-każin meta seħħet l-aggressjoni u li dan ġie identifikat minn filmati tas-sigurtà. Il-vittma, fil-verżjoni li ta lill-Pulizija, ammetta li kien hu li mar ifittex lill-aggressur u tah l-ewwel daqqa, għalkemm qal li ma jafx min hu.
Il-Qorti kienet konvinta li kien Portelli li aggredixxa lill-vittma b’sikkina u kkawżalu ġrieħi gravi, iżda fil-mument tal-piena, il-Maġistrat irrimarkat li l-vittma kien ukoll parti mhux żgħira fil-konfront, għaliex seta’ baqa’ fil-każin u ma marx ifittex lill-imputat barra, speċjalment fid-dawl li kienu diġà kellhom argument u li t-tnejn kienu taħt l-effett tal-alkoħol.
B’hekk il-Qorti kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal sentejn, jiġifieri jekk Portelli jikkommetti reat ieħor fi żmien sentejn mill-ġurnata tas-sentenza, il-piena se tidħol fis-seħħ. Barra minn hekk, ġiet imposta ordni ta’ trażżin għal sentejn sabiex tipproteġi lill-vittma.
//= $special ?>