Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal sewwieq ta’ mutur li kkawża l-mewt ta’ anzjana fil-Gżira fl-2021

Michael Ellul, li kien qiegħed isuq mutur tat-tip Kymco fid-direzzjoni ta’ Tas-Sliema, ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin wara li l-Qorti sabitu ħati li kkawża l-mewt ta’ Tinka Ivanova, mara Bulgara ta’ 68 sena, minħabba sewqan negliġenti.

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-2am tad-9 ta’ Settembru 2021, fi Triq ix-Xatt, Gżira. Ivanova kienet qed taqsam it-triq meta ntlaqtet mill-mutur ta’ Ellul u ttieħdet Mater Dei, fejn ġiet iċċertifikata mejta ftit tal-ħin wara.

Ellul wieġeb mhux ħati għall-akkużi, u fil-verżjoni li ta lill-Pulizija fuq il-post, qal li kien qiegħed isuq b’veloċità ta’ 40 kilometru s-siegħu u taħt il-limitu ta’ 50 kilometru fis-siegħa — u li l-vittma dehret taqsam mingħajr ma ħarset u fid-dlam.

Madanakollu, il-Qorti rrimarkat li Ellul innifsu ra lill-vittma qabel l-impatt u seta’ jiddeskrivi sew x’kienet liebsa, u għaldaqstant seta’ kellu ċans jevita l-impatt kieku wettaq manuvra jew brejkja fil-ħin.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, saħqet li l-vittma ma kinitx qasmet minn fuq minn fejn suppost, li kienet tinsab 70 metru ‘l isfel, u għaldaqstant ikkontribwiet għall-inċident. Iżda dan ma neħħiex ir-responsabbiltà kriminali ta’ Ellul, li skont il-Qorti, fallietlu d-diliġenza minima meħtieġa minn sewwieq.

Esperti tekniċi stabbilixxew li ma kien hemm l-ebda marki tal-brejk fuq l-art u li l-viżibilità kienet adegwata, minkejja xi partijiet kemxejn skuri tat-triq. Il-fotografija u l-provi fuq il-post ikkonfermaw li kien hemm biżżejjed dawl u spazju fiżiku biex jiġi evitat l-inċident.

Il-Qorti kkonkludiet li Ellul kien fil-kontroll ta’ magna b’saħħitha li ma setax ilaħħaq magħha, u li dan wassal biex il-vittma tilfet ħajjitha b’riżultat ta’ sewqan traskurat u bla konsiderazzjoni. Il-Qorti enfasizzat li għalkemm l-inċident kien traġiku, il-ġustizzja titlob responsabbiltà meta jonqsu l-istandards li għandu jkollu sewwieq, speċjalment meta l-inċident kien evitabbli.

Ellul ġie priv wkoll milli jsuq għal erba’ snin u ġie ordnat iħallas €1,752.50 f’ispejjeż tal-Qorti. L-avukat Herman Mula deher għal Ellul fil-proċeduri.