Internazzjonali

Trump jagħti ultimatum lil Putin… ‘Irid jagħżel bejn waqfien mill-ġlied u s-sanzjonijiet akbar għar-Russja’

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, waqt li għaddej biż-żjara fl-Iskozja, ikkonferma li qed jimponi deadline ta’ ‘għaxar jew tnax-il jum’ biex il-President Russu Vladimir Putin jaqbel dwar waqfien mill-ġlied mal-Ukrajna wara gwerra li, issa, daħlet fir-raba’ sena.

Dan sar magħruf qabel Trump iltaqa’ mal-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, fil-kumpless tal-golf tal-President Amerikan fl-inħawi ta’ Ayrshire.

Il-President Trump, madwar ġimgħatejn ilu, kien hedded biex jimponi tariffi mill-aktar serji għall-Istati kummerċjali sieħba tar-Russja f’każ li ma jintlaħaqx ftehim għall-waqfien mill-attakki fuq l-Ukrajna fi żmien ħamsin jum.

Iżda Trump, fl-aħħar sigħat, qal li mgħadx hemm raġuni għalfejn għandu jistenna daqshekk u li hu kellu joħroġ dalwaqt bi stqarrija sinifikanti fi kwistjoni ta’ sigħat….Stqarrija li kapaċi tikkonferma s-sanzjonijiet ġodda flimkien mat-tariffi sekondarji għal Moska.

Il-Mexxej Amerikan informa lill-ġurnalisti li l-aħbar uffiċjali tingħata jew matul il-lejl inkella għada, it-Tlieta.

U hawnhekk, il-President spjega li ma jagħmilx sens ‘li wieħed iżomm lura minn azzjoni għat-tul taż-żmien meta jaf x’għandha tkun it-tweġiba.’

L-impożizzjoni tas-sanzjonijiet u t-tariffi għar-Russja għandha titfa’ dell fuq ir-relazzjonijiet bejn Trump u Putin li, sallum, dejjem tkellmu dwar xulxin b’sens ta’ rispett.

U meta kien mistoqsi biex jelabora dwar it-theddida tas-sanzjonijiet u t-tariffi, Trump sostna li ‘ma jixtieqx li jkun kostrett għal dan il-pass kontra r-Russja’ u li hu, fil-fatt, ‘iħobb lill-poplu ta’ dak il-pajjiż’.