Lokali

“U-turn oħra ta’ Robert Abela; iċedi għall-pressjoni tal-PN dwar ir-riforma tal-ippjanar u issa mhux se jgħaddiha mill-Parlament qabel is-sajf” – Il-PN

Wara li l-Gvern talab lill-Oppożizzjoni biex jibda d-dibattitu Parlamentari għada, il-Ministru issa qed jgħid li ma jara l-ebda urġenza li l-liġijiet li tressqu jiġu approvati qabel il-Kamra taġġorna għas-sajf

Grazzi għall-pressjoni tal-Oppożizzjoni u tal-għaqdiet ambjentali, Robert Abela llum kellu jagħmel U-turn oħra u l-Gvern kien kostrett iċedi, biex issa qed jgħid li ma jara l-ebda urġenza li l-liġijiet dwar ir-riforma fis-sistema tal-ippjanar jgħaddu mill-Parlament qabel jagħlaq għas-sajf.

F’laqgħa mal-ġurnalisti dalgħodu l-Ministru responsabbli mill-Ippjanar Clint Camilleri kien ikkwotat li qal li l-Gvern issa ma għandux għaġla biex japprova r-riforma u m’hemm l-ebda obbligu li l-abbozzi jiġu approvati qabel il-Parlament jaġġorna għall-vakanzi. Clint Camilleri qal ukoll li d-diskussjoni fil-Kamra għandha tieħu kemm hemm bżonn.

Dan huwa l-istess Ministru li fit-8 ta’ Lulju, waqt il-ħin tal-Mistoqsijiet Parlamentari, kien iddikjara li l-Gvern kien fi stadju li jiffinalizza dawn l-abbozzi u li fil-jiem ta’ wara kien se jiddiskutihom fil-Kabinett biex imbagħad jitressqu quddiem il-Parlament u jiġu diskussi fil-Kamra sakemm il-Parlament ikun għadu ma aġġornax għall-vakanzi tas-sajf.

Apparti minn hekk, il-Gvern – permezz tal-Whip Parlamentari tiegħu – fl-aħħar jiem kien diġà għamel kuntatt mal-Whip tal-Oppożizzjoni biex id-dibattitu Parlamentari dwar dawn l-abbozzi jibda għada, liema talba ma kinitx aċċettata min-naħa tal-Oppożizzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jappella biex issa li l-Gvern kellu jċedi għall-pressjoni li saritlu, jara wkoll li sakemm dawn il-liġijiet jiġu approvati ssir konsultazzjoni pubblika wiesgħa fuq dawn il-bidliet kif qed jitolbu l-Oppożizzjoni u l-NGOs ambjentali. Il-Partit Nazzjonalista se jiżgura li dan iseħħ u se jara wkoll li jsiru il-bidliet meħtieġa f’dawn l-abbozzi biex ir-riforma fis-sistema tal-ippjanar u l-appelli tkun waħda li bl-ebda mod ma tirrestrinġi d-drittijiet u s-salvagwardji legali li kien għad fadal biex jiġi mħares iċ-ċittadin.

Mhux aċċettabbli li – kif iddikjara dalgħodu fl-istess laqgħa l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg – ma ssirx konsultazzjoni għall-bidliet f’dawn il-liġijiet importanti bl-iskuża li tkun evitata l-ispekulazzjoni.

Kif talbu anke esponenti u attivisti Laburisti wara l-mewġa qawwija ta’ kritika li qanqlu dawn l-abbozzi, dawn il-liġijiet għandhom jiġu riveduti u għandhom isiru laqgħat mhux biss mal-iżviluppaturi u l-periti – kif ammetta li saru l-Ministru Camilleri – imma wkoll issir konsultazzjoni mal-għaqdiet ambjentali, professjonisti oħra, il-kunsilli lokali, il-komunitajiet kollha u mal-pubbliku inġenerali.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex iniedi proċess serju ta’ konsultazzjoni li tkun konsultazzjoni vera u miftuħa, fejn kulħadd jingħata l-ispazju li jixraqlu biex isemma’ leħnu.

Min-naħa tiegħu, il-PN se jkompli jagħmel dak li naqas li jagħmel il-Gvern Laburista u se jkompli jiddjaloga ma’ kull min huwa interessat u mal-pubbliku inġenerali.