Internazzjonali

UE-Stati Uniti: ‘Ftehim kummerċjali bl-inqas rata ta’ tariffi ….u li għandu jissodisfa lil kulħadd’

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, wara ġimgħat ta’ diżgwid, waslu għal ftehim kummerċjali li konkluda sitwazzjoni ta’ staġnar bejn l-akbar żewġ sieħba ekonomiċi fid-dinja.

Il-ftehim sar possibbli wara ‘laqgħa diffiċli’, fl-Iskozja, bejn il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u l-President Amerikan Donald Trump….Laqgħa fejn huma qablu dwar tariffa ta’ 15 fil-mija għall-prodotti kollha li l-Ewropa se tkun qed tesporta lejn l-Istati Uniti.

Il-15 fil-mija tirrappreżenta nofs ir-rata tat-taxxa għall-importazzjonijiet mill-Ewropa li Trump kien qed jhedded biex jimplimenta min-nhar il-Ġimgħa.

Intant, Trump qal li l-Unjoni għandha tiftaħ is-swieq tagħha għall-esportaturi Amerikani u fejn it-tariffi għal ċerti prodotti għandhom ikunu ‘zero fil-mija’.

Fl-istess ħin, Von der Leyen qalet li dan hu ftehim li għandu jissodisfa liż-żewġ naħat filwaqt li jaċċerta l-istabbilità fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

Il-ftehim jitqies ukoll bħala kruċjali peress li l-Istati Uniti u l-Ewropa, flimkien, qegħdin jagħmlu tajjeb għal kważi 35 fil-mija tal-kummerċ kollu fuq livell internazzjonali.

Donald Trump qed juża l-politika tat-tariffi fil-konfront tal-pajjiżi – sieħba kummerċjali – ta’ Washington bil-ħsieb li jibdel u jirriforma l-ekonomija globali. Impenn ieħor sinifikanti jibbaża fuq id-determinazzjoni ta’ Trump biex inaqqas l-iżbilanċ kummerċjali ta’ pajjiżu mal-Ewropa.

Fl-aħħar ġranet, il-President tal-Istati Uniti anki konkluda ftehim dwar it-tariffi mar-Renju Unit, il-Ġappun, l-Indoneżja, il-Filippini u l-Vjetnam għalkemm ma rnexxilux iżomm mal-wiegħda personali biex jikkonkludi ‘madwar 90 ftehim ta’ dan it-tip fi spazju ta’ 90 jum’.