Lokali Qorti

33 xahar ħabs wara li fera gravi żagħżugħ b’daqqiet ta’ sikkina

Joe Zahra ta’ 34 sena minn San Ġiljan intbagħat 33 xahar ħabs wara li nstab ħati li kkawża feriti gravi fuq żagħżugħ waqt argument li seħħ fid-dar fejn kien jgħix il-vittma, fi Triq Tumas Galea, Birkirkara.

Il-każ seħħ bejn id-9:30am u 10am fis-10 ta’ Ottubru 2018, meta Zahra u Timothy Mangion kienu bi flixkun vodka. Fid-dar, il-vittma rrakkonta kif Zahra fetaħ pakkett li kien fih droga magħrufa bħala “coke tal-pipa”, beda jpejjep, u ftit wara ntilef minn sensih.

Mangion poġġieh f’recovery position iżda ma ċempilx għall-għajnuna medika għax ħaseb li Zahra kien se jfiq waħdu. Wara li Zahra ġie f’tiegħu xi kwarta wara, sar aggressiv ħafna – beda jgħajjat “pulizija” u qabeż fil-bitħa ta’ ġar. Hu mbagħad qabeż fuqu, tah diversi daqqiet bil-ponn, kissirlu oġġetti, u attakkah b’kontenitur tal-ħġieġ.

Kompla jagħmel ħsara fil-kċina, sab imqass, u allegatament tah bih f’saqajh u f’idejh. Il-vittma qal li tant kien dgħajjef li ma setax jiftaħ il-bieb biex Zahra joħroġ.

L-ispettur Christina Delia spjegat li l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) kellhom jiżgassaw il-bieb tad-dar biex jidħlu, fejn sabu lil Zahra b’sikkina f’idu u sparawlu taser biex jikkontrollawh. Sparaw ukoll żewġ tiri ta’ twissija. Joe Zahra huwa persuna magħrufa sew mal-Pulizija. It-testimonjanza dettaljata ta’ Timothy Mangion fil-Qorti tipprovdi rakkont estensiv u disturbanti ta’ dak li ġara dakinhar.

Meta ġie mistoqsi taħt kontra-eżami, Mangion ċaħad li kien hu li kellu d-droga, li ħeġġeġ lil Zahra biex jieħduha fid-dar, u ċaħad ukoll li kien seraqlu flus jew sakkarlu l-bieb. Imbagħad kompla jirrakkonta l-aggressjoni vjolenti li ġarrab:

“…meta beda jiġi naqra f’tiegħu, ġie fuqi u tgħidx kemm tani bil-ponn, kellu saħħa enormi. Kisser bowl kanella, u beda jtini hawnhekk fuq rasi…” Il-Qorti staqsiet dwar in-natura tal-bowl, u Mangion qal li kienet tal-ħġieġ, u li kienet tużaha ommu.

Mangion deher kredibbli u dettaljat fl-ispjegazzjoni tiegħu, li kompliet tikkonferma r-rapporti inizjali tal-Pulizija li sabu lil Zahra f’ġirja bejn proprjetajiet, u lil Mangion ferut serjament u fi stat ta’ trawma. Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet magħmulha, dmir din il-Qorti hu ċar, qalet il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Il-Qorti hi obbligata tqis l-impatt li reati ta’ vjolenza gratwita jħallu fuq il-membri tas-soċjetà. Għal dawn ir-raġunijiet il-Qorti tqis li minkejja ċ-ċirkostanzi tal-każ, kien Zahra li għażel jabbuża mid-droga u għalhekk għandu jiffaċċja l-konsegwenzi ta’ għemilu. Vjolenza gratwita ma tista’ qatt tiġi tollerata.

Meta din iseħħ fl-erba’ ħitan ta’ daru, il-post li għandu jitqies bħala l-iktar sikur fejn il-bniedem isib il-kenn u l-protezzjoni. Ghal dawn il-motivi tikkundannah għal 33 xahar priġunerija. Il-Qorti ordnat li dan il-perjodu ta’ priġunerija għandu jitnaqqas miż-żmien li Zahra diġà qatta’ taħt arrest preventiv.

Inoltrè qed toħroġ Ordni ta’ Trażżin fil-konfront tal-imputat a favur ta’ Timothy Mangion għal żmien tliet
snin. Ordnat ukoll lill-imputat iħallas l-ammont ta’ €5,654.63ċ rappreżentanti tal-spejjeż peritali.