Internazzjonali

4 persuni maqtula waqt sparatura f’binja ta’ uffiċċji f’New York

Tal-inqas erba’ persuni, inkluż uffiċjal tal-pulizija li ma kienx xogħol, inqatlu t-tnejn wara li raġel daħal jispara f’binja ta’ uffiċċji f’Midtown Manhattan, fi New York.

Is-suspettat, identifikat bħala Shane Tamura minn Nevada, aktar tard spara lilu nnifsu, skont il-Pulizija. L-uffiċjali qalu li Tamura saq minn Las Vegas għal New York u huwa maħsub li wettaq ir-reat waħdu. L-awtoritajiet għadhom qed jinvestigaw il-mottiv tiegħu.

Il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ New York Jessica Tisch ikkonfermat li bosta nies ġew midruba wkoll. Is-Sindku Eric Adams ħeġġeġ lil kull min għadu ġewwa l-bini biex jibqgħu fejn huma hekk kif l-uffiċjali wettqu tfittxija sular b’sular.

L-isparatura seħħet f’binja li tinsab ftit blokok ‘il bogħod mis-Central Park. Is-servizzi ta’ emerġenza aġixxew malajr, u l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.