Lokali

Anke Miriam Dalli tgħid li l-Gvern għandu bżonn jisma’ aktar

“Il-liġijiet il-ġodda tal-ippjanar huma insult għat-tfal li għandhom tama għall-pajjiż aħjar, u jservu ta’ messaġġ li l-qrubija tal-Prim Ministru Robert Abela mal-iżviluppaturi hija aktar importanti mill-ġustizzja u mill-ambjent ta’ pajjiżna.”

Dan intqal fl-editorjal tat-Tlieta tat-Times of Malta wara li l-Ġimgħa, il-Gvern preżenta fil-Parlament tibdiliet kbar fil-liġi tal-ippjanar – tibdiliet li jnaqqsu s-saħħa taċ-ċittadin u li ġibdu kritika kbira mill-attivisti – għaliex dawn tressqu bla konsultazzjoni.

U issa, anke l-Ministru tal-Ambjent Miriam Dalli f’kummenti li għaddiet lill-ġurnalisti quddiem il-Parlament sostniet li l-Gvern għandu jisma’ aktar u jara x’irid il-poplu Malti u Għawdxi.

Fl-aħħar jiem, il-Partit Nazzjonalista għamel pressjoni fuq il-Gvern ta’ Robert Abela għaliex insista li huwa inaċċettabbli li ma saritx konsultazzjoni bl-iskuża li tkun evitata l-ispekulazzjoni.

Infatti, jidher li issa Robert Abela għamel u-turn hekk kif spiċċa jgħid li ma jara l-ebda urġenza li l-liġijiet li tressqu jiġu approvati qabel il-Kamra taġġorna għas-sajf. Li jfisser, li d-diskussjoni Parlamentari jaf tkompli wara l-vaganzi.

L-editur tat-Times qal li dawn ir-riformi huma sempliċiment arma tal-korruzzjoni u jċaħħdu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna milli jkollhom kwalità ta’ ħajja tajba f’Malta u li jkollhom aktar spazji miftuħa. Dan apparti li spjega kif Abela l-ewwel joqgħod jieħu r-ritratti mat-tfal u mbagħad jagħmel mossa atroċi bħal din li tmur kontra l-interess tal-poplu.

Ġie spjegat ukoll kif ir-riforma qegħda hemm biex tintimida lil dawk li jkunu jixtiequ jappellaw proġett partikolari – meta l-ħlas tal-appell hu ta’ €5,000.

Dan filwaqt li bit-tibdiliet proposti l-Awtorità tal-Ippjanar tista’ tinjora kompletament l-impatt ambjentali kif ukoll dak fuq id-dehra ta’ pajjiżna bil-proġetti li jiġu quddiemha – elementi li fl-aħħar snin kemm l-attivisti kif ukoll il-Partit Nazzjonalista saħqu fuq l-importanza tagħhom.