Kultura Lokali

Artefatti mislufa minn Malta għal wirja importanti dwar il-Gran Mastru Lascaris f’Nizza

Kollezzjoni unika ta’ artefatti minn Malta ġiet mislufa minn Heritage Malta lill-Palais Lascaris f’Nizza, Franza, għall-wirja ‘In the Time of Grand Master Jean-Paul de Lascaris: Nice, Malta, and the Mediterranean‘. Il-wirja tifforma parti mill-Biennale tal-Arti tal-Mużewijiet ta’ Nizza, u tesplora r-rabtiet storiċi profondi bejn Malta, l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, u l-belt Mediterranja ta’ Nizza.

Fil-qalba ta’ din il-kollaborazzjoni hemm ir-rabta interessanti ferm bejn Malta u l-Gran Mastru Jean-Paul de Lascaris, li twieled f’Nizza u mexxa l-Ordni ta’ Malta mill-1636 sal-1657. Lascaris kien strumentali fit-tfassil tal-Ordni matul l-aqwa żmien tagħha f’Malta, u l-legat tiegħu jibqa’ kemm fl-arkitettura storika ta’ Malta kif ukoll fil-palazz nobbli tal-familja tiegħu f’Nizza – il-post fejn qed tittella’ l-wirja.

Fost il-biċċiet mislufa minn Heritage Malta li jispikkaw hemm diversi muniti tal-fidda u tar-ram maħduma taħt il-Gran Mastru Lascaris mill-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, kalċi tas-seklu 17 bl-istemma araldika tiegħu minn MUŻA – il-Mużew Nazzjonali tal-Arti tal-Komunità, u korazza impressjonanti tal-azzar mill-Armerija tal-Palazz tal-Gran Mastru. L-istorja marittima u militari hija wkoll fiċ-ċentru, b’senduq tal-kursara u pittura drammatika tal-ħtif tal-Capitana ta’ Tripli fl-1709, li turi galera li kienet ġiet imħallsa mill-Fondazzjoni Lascaris, it-tnejn mislufin mill-Mużew Marittimu ta’ Malta.

Artefatt evokattiv ħafna huwa riljev magħmul mill-injam u miżbugħ li juri lil Sant’Anna mal-Verġni Marija u l-Bambin u li oriġinarjament kien jifforma parti mix-xini leġġendarju tal-Ordni – il-karrakka ‘Sant’Anna’ – li nbena f’Nizza u serva lill-Kavallieri b’mod impekkabbli wara l-wasla tagħhom f’Malta. Dan l-artefatt simbolikament jgħaqqad iż-żewġ postijiet f’wirt marittimu komuni. L-għażla ta’ artefatti minn Malta tinkludi wkoll pittura li turi xena grandjuża ta’ purċissjoni fejn jidher il-Gran Mastru Lascaris anzjan, fil-festa li tfakkar ir-rebħa tal-Assedju l-Kbir, u inċiżjoni ta’ battalja fuq il-baħar fl-1645 bejn il-Kavallieri
u t-Torok.

Permezz ta’ dawn l-oġġetti, Heritage Malta qed toffri ħarsa effettiva lejn il-perjodu meta Malta u Nizza kienu marbutin mhux biss bil-baħar, iżda wkoll bid-demm, bil-fidi, u b’Ordni komuni. Il-wirja tibqa’ għaddejja sat-3 ta’ Novembru.