Minkejja l-akkużi serji marbuta mad-deal tal-Vitals, il-Professur Edward Scicluna se jerġa’ jibda jeżerċita l-funzjoni ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u membru tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew wara talba formali li għamel hu lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.
Dan ġie konfermat mill-Gvern fi stqarrija uffiċjali.
Fi kliem sempliċi, Abela qed juża l-istess standards li uża ma’ Ronald Mizzi u Kurt Buhagiar; li wkoll iddaħħlu lura. Għalkemm imbgħad, lil Chris Fearne ma ġabux lura fil-Kabinett.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li kkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew li bħala istituzzjoni indipendenti ma sab l-ebda oġġezzjoni għat-talba tal-Professur Scicluna.
Il-Prim Ministru Abela qal ukoll li aġġorna lill-Kabinett tal-Ministri b’dawn l-iżviluppi. U t-talba tal-Professur Edward Scicluna ġiet milqugħa.
Il-Kabinett tal-Ministri awgura lill-Professur Edward Scicluna fit-tkomplija tat-twettiq tas-servizz tiegħu “favur l-interess tal-pajjiż”. Iżda mkien ma saret referenza għall-fatt li hu jinsab implikat b’akkużi serji marbuta mas-serqa tal-isptarijiet u l-iskandlu Vitals.
Scicluna llum għandu 78 sena.