Lokali

Ħsara fuq is-Salib tad-Dejma f’Għawdex wara li trakk ħabat fih

Nhar il-Ġimgħa filgħaxija, trakk baqa’ dieħel fis-Salib tad-Dejma fi Pjazza San Franġisku, ir-Rabat, Għawdex, tant li spiċċa kissru. Dan wara li laqat kejbil – azzjoni li wasslet għall-ħsara tas-salib tal-ġebel.

Il-Ministeru għal Għawdex ikkonferma li l-istruttura, filwaqt li hi storikament sinifikanti fid-disinn, kienet replika u mhux salib oriġinali ta’ sekli sħaħ.

Skont informazzjoni li ġabar it-Times of Malta minn pulizija, minn investigazzjonijiet preliminari irriżulta li t-trakk laqat kejbil waqt li kien għaddej mill-pjazza. Il-kejbil imbagħad ġie f’kuntatt mas-salib, b’kawża li spiċċa waqa’ mill-pedestall tiegħu.

B’rabta mal-każ, inħatar arkeologu li se janalizza l-ħsara li ġarrab is-sit.