F’pass sorprendenti li seħħ ftit sigħat qabel kellha tingħata s-sentenza, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ressaq applikazzjoni biex jitlob li l-Imħallef Giovanni Grixti jirrikuza ruħu milli jkompli jisma’ l-appell tal-AĠ fil-proċeduri ta’ estradizzjoni kontra Daniel Joe Meli, allegat hacker li jinsab taħt proċess biex jiġi estradit.
L-applikazzjoni waslet wara żvilupp mhux tas-soltu li seħħ il-ġimgħa li għaddiet, meta l-Imħallef Grixti b’mod żbaljat beda jaqra s-sentenza qabel ma sema’ s-sottomissjonijiet finali tal-prosekuzzjoni u d-difiża. Il-qorti kienet kjarifikat li s-seduta kienet waħda għal sottomissjonijiet u mhux għas-sentenza, u eventwalment semgħet il-konklużjonijiet taż-żewġ naħat.
F’seduta li saret it-Tlieta, l-Imħallef Grixti informa lill-partijiet li l-proċeduri qed jiġu sospiżi sakemm tittieħed deċiżjoni dwar it-talba tar-rikuża. L-Avukat Franco Debono, li qed jidher għall-akkużat Meli, insista li t-talba tal-Avukat Ġenerali ma ssemmix ebda bażi legali u kienet totalment infondata.
Huwa argumenta li l-proċeduri ta’ estradizzjoni huma ta’ natura speċjali u għandhom jimxu b’ħeffa. Żied jgħid li jekk l-AĠ kellu xi oġġezzjoni dwar il-ġudikant, kellu jgħidha fil-mument tal-inċident u mhux issa, ġimgħa wara.
Debono qal ukoll li l-AĠ “għamel sew li ġibed l-attenzjoni tal-qorti” iżda fl-istess ħin ippreżenta s-sottomissjonijiet tiegħu, u b’hekk aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-qorti. “Meli diġà għadda minn ħafna kumplikazzjonijiet u din hija oħra żejda u bla bażi,” insista Debono.
“Il-ġustizzja trid tidher li qed issir”
Min-naħa tal-Avukat Ġenerali, l-Avukat Sean Xerri De Caro argumenta li “il-ġustizzja mhux biss trid issir, imma trid tidher li qed issir.” Huwa ċita l-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili li jippermetti li mħallef jiġi sfidat jekk ikun diġà ta parir, kiteb jew ħa pożizzjoni fuq il-każ jew fuq xi ħaġa relatata.
Meta ġie mistoqsi mill-Qorti biex jispjega aħjar, Xerri De Caro qal li “s-sentenza kienet miktuba diġà, tkunx ġiet moqrija kollha jew le.” Huwa għamel referenza wkoll għall-Kostituzzjoni u d-dritt għal smigħ ġust.
Debono reġa’ rrepplika li l-Avukat Ġenerali qed jagħmel interpretazzjoni żbaljata tal-liġi u qed jipprova jsib appoġġ legali fejn ma hemmx. Huwa wissa li jekk il-qorti tilqa’ t-talba tal-AĠ, il-proċeduri kollha jkollhom jibdew mill-ġdid.
L-Avukat Arthur Azzopardi, li wkoll jidher għad-difiża, daħħal nota uffiċjali fejn oġġezzjona għat-talba tal-AĠ, u sostna li ma għandha ebda pedament legali. Issa l-Qorti trid tiddeċiedi jekk tilqax jew le t-talba biex l-Imħallef Giovanni Grixti jirrikuża ruħu. Sadanittant, il-proċess ta’ appell tal-estradizzjoni ta’ Daniel Joe Meli se jibqa’ sospiż.
//= $special ?>