■ Il-kirja lil Transport Malta
■ Il-kirja lil Arms Limited
■ Il-‘Community Works Scheme’
Fl-aħħar ġimgħat, il-gazzetti tal-General Workers’ Union (GWU), kellhom diversi kitbiet li fihom, bl-akbar arroganza, u wiċċ tost, ippontifikaw b’mod patronizzanti dwar il-qagħda finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista.
Dan kollu filwaqt li fl-aħħar 12-il sena, bil-Labour fil-gvern, bħall-Partit Laburista nnifsu, il-GWU ibbenefikat b’diversi modi minn miljuni kbar ta’ ewro minn fuq dahar il-poplu Malti.
Hawnhekk qed insemmu biss tliet eżempji lampanti kif, bħalma għamel il-Labour, kull meta kien fil-gvern – fosthom bil-każini ‘misruqa’ – il-GWU użat kull skuża u kull premessa, biex tammassa miljuni ta’ ewro minn fuq il-povru tax payer Malti.
Transport Malta tħallas nofs miljun ewro fis-sena

Fl-2010, il-GWU kienet xtrat il-kumpless A3 Towers f’Raħal Ġdid, biswit iċ-Ċimiterju tal-Addolorata, għal somma li jingħad li kienet qrib iż-€2 miljuni mingħand kumpanija privata.
F’Awwissu 2014 – ħdax-il sena ilu – Transport Malta bdiet tikri dan il-kumpless mingħand il-GWU b’madwar €500,000 fis-sena. Rapporti dak iż-żmien kienu jgħidu li l-offerta tal-GWU għat-tender li kienet ħarġet Transport Malta, ma kinetx l-orħos waħda u lanqas ma kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi fir-request for proposals (RFP). B’kollox kien hemm sitt offerti għat-tender ta’ Transport Malta.
Fil-fatt meta kien iffirmat il-kuntratt, il-binja ma kinetx fi stat li l-ħaddiema setgħu jidħlu fiha għaliex kien għad fadal ħafna xi jsir. Kien biss f’Ġunju 2016 li sezzjonijiet sħaħ ta’ Transport Malta irrilokaw lejn A3 Towers.
Is-CEO ta’ Transport Malta meta kien iffirmat dan il-ftehim mal-GWU, kien James Piscopo li, qabel l-2013, kien is-CEO tal-Partit Laburista.
B’dan il-kuntratt mhux talli l-GWU ġabet il-flus li nefqet f’dan il-kumpless f’inqas minn 4 snin talli issa qed iħallilha nofs miljun ewro netti fis-sena.
Arms Limited b’uffiċċju fil-bini tal-GWU

Fi żmien il-Gvern Laburista tal-Perit Mintoff, fl-1957, il-GWU iffirmat kuntratt perpetwu għall-kisba ta’ art tal-Gvern fil-Belt Valletta biex fuqha titla’ l-binja ċentrali tagħha flimkien ma’ stamperija. Il-kuntratt kien jispeċifika li l-binja kellha tintuża esklusivament għal ħidma trejdunjonistika.
Jidher ċar li dan il-kuntratt kien jeskludi li l-GWU tikri partijiet mill-binja lil xi kumpanija jew entità oħra. Iżda l-Union minn dejjem kellha f’moħħha li anki minn din l-art tal-poplu mogħtija lilha għal raġunijiet stretti ta’ qadi lill-ħaddiema, tagħmel negozju. Tant li taħt gvern ieħor Laburista, dak ta’ Alfred Sant fl-1997, il-Parlament approva emenda biex partijiet mill-binja setgħet tibda tintuża minn kumpaniji li x-shareholder maġġoritarju tagħhom tkun il-GWU.
Minkejja dan, rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur, fl-2015, kien sab li l-GWU kienet kisret dawn il-kundizzjonijiet billi kriet partijiet mill-bini lill-kumpanija parastatali ARMS Ltd.
Il-Partit Nazzjonalista kien ipprotesta dwar dan il-ksur tal-Kuntratt iżda l-Gvern Laburista ta’ Robert Abela, ftit taż-żmien ilu, għadda Riżoluzzjoni fil-Parlament li permezz tagħha għamel legali dak li kien illegali u jikser il-kuntratt.
Il-GWU titħallas ’il fuq minn €60,000 kull sitt xhur mingħand ARMS Ltd.
Skema tad-‘deheb’ b’risq l-Union

Bħallikieku dak li kienet qed iddaħħal mingħand entitajiet tal-Gvern – bħal Transport Malta u ARMS Ltd, ma kienx biżżejjed, il-GWU hi wkoll il-benefiċjarja minn skema li permezz tagħha ħaddiema li jkunu qed jirreġistraw għax-xogħol, jingħataw impjieg temporanju u taħriġ biex eventwalment isibu impjieg permanenti. Din l-iskema tissejjaħ Community Works Scheme.
Il-GWU kienet ingħatat mill-Gvern it-tmexxija ta’ din l-iskema fl-2015 u oriġinarjament kellha tħarreġ 600 ħaddiem li kienu ilhom ħafna jirreġistraw u dan sakemm isibu impjieg produttiv.
Id-dħul tal-GWU minn din l-iskema hu abbażi ta’ kemm ikun hemm ħaddiema fiha u, sa ftit ilu, kien hemm ’il fuq minn 1,000. B’kollox, il-Gvern joħroġ madwar €20 miljun fis-sena u l-GWU tieħu perċentwal minn din is-somma.
Il-ħaddiema huma mħallsin paga minima u mijiet minn dawn il-ħaddiema mhux talli qatt ma tħarrġu talli huma utilizzati bħala labourers jew f’xi xogħol manwali ieħor. Hemm min, bir-raġun, isejjaħ dawn l-impjiegi bħala ‘prekarji’.
Rapporti ta’ min jorbot fuqhom kienu qalu li l-GWU qed iddaħħal €1.6 miljun fis-sena talli tamministra din l-iskema li qed isservi għan ieħor: biex il-Gvern ‘jimpjega’ miegħu nies magħżulin u, fl-istess ħin, iżomm baxx in-numru tal-qgħad.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 29 ta’ Lulju, 2025.
//= $special ?>