Lokali

In-Nutar Anthony Spiteri Debono jingħata l-aħħar tislima

Mat-tokki tas-2pm fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta, ingħatat l-aħħar tislima lin-Nutar Anthony Spiteri Debono – ir-raġel tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.

Matul l-omelija l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna ddeskriva lil Anthony Spiteri Debono bħala raġel ta’ ftit kliem iżda meta kien jiftaħ fommu kien jgħid kliem mill-aktar profond. Dan apparti li matul ħajtu huwa dejjem wera sapport kbir lil martu fil-karriera tagħha.

Monsinjur Arċisqof qal li Anthony Spiteri Debono għex ħajja trankwilla u illum għaddej mill-esperjenza tal-mistrieħ ta’ dejjem.

In-nutar Spiteri Debono miet fl-24 ta’ Lulju li għadda fl-età ta’ 78 sena wara li żvilluppawlu kumplikazzjonijiet f’saħħtu.

Il-koppja Spiteri Debono għandha tlett itfal, Elena, George u Maria Kristina, filwaqt li huma nanniet ta’ erbgħa.

Preżenti għal din il-quddiesa kien hemm il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien ma’ martu AnnMarie Grech, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kif ukoll delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mis-Segretarju Ġenerali Charles Bonello u mill-Vici Kap tal-PN Alex Perici Calscione.

Preżenti wkoll kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu, bosta personalitajiet distinti, ħbieb tal-familja Spiteri Debono u deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.