Knisja Lokali

Irrestawrata l-Knisja Parrokkjali ta’ San Leonardu f’Ħal Kirkop b’fondi Ewropew

€100,000 b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal-Unjoni Ewropea


Tlesta l-proġett ta’ konservazzjoni fuq il-koppli, il-kampnari, il-faċċata prinċipali u l-ġnub tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Leonardu Abbati f’Ħal Kirkop. Madwar €100,000 f’xogħol ta’ restawr, sar b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Ir-resawr ġie inawgurat mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u mill-Ministru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross u l-Kappillan Dun Martin Cardona.
Permezz ta’ dan ix-xogħol ta’ konservazzjoni, li għalih ikkontribwixxew ukoll il-parruċċani, tnaddfet il-ġebla Maltija li kienet esposta għat-tniġġis tal-arja, tbiddel il-ġebel immermer kawża tal-elementi naturali u d-diversi interventi ta’ restawr fuq il-ġebla mas-snin. Il-proġett sar skont il-prinċipji ta’ konservazzjoni kurrenti li jirrispettaw mhux biss l-integrità strutturali tal-binja iżda wkoll il-kwalitajiet estetiċi tagħha bħala l-qalba tal-identità tal-komunità.
L-Isqof Galea-Curmi qal li l-Knisja f’Malta tieħu b’serjetà kbira l-ħarsien tal-patrimonju u kontinwament tħeġġeġ lill-poplu jgħożż il-patrimonju kulturali Kattoliku. Enfasizza li okkażjoni bħal din “tgħinna nitgħallmu niddistingwu bejn dak li jsebbaħ u dak li jkerrah, dak li hu għall-ġid komuni u dak li mhux.

F’Ħal Kirkop hawn il-grazzja li l-knisja baqgħet imdawra b’tip ta’ bini li jirrispetta dan il-wirt għażiż. Ibżgħu għal dan, għax postijiet oħra f’pajjiżna diġà tilfuh u spiċċaw imdawra b’bini massiv li jitfihom, bħall-knisja antika tal-Kunċizzjoni fl-Imsida u l-knisja l-antika tal-Manikata. L-Isqof temm jgħid li dan il-proġett ta’ konservazzjoni se jservi ta’ ġid għal kulħadd u l-ġenerazzjonijiet futuri li jistgħu jagħrfu aħjar il-valuri umani li tassew jgħinu bil-bini tas-soċjetà Maltija.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi enfasizza l-valur ta’ dan ilproġett bħala eżempju ċar ta’ kif il-fondi Ewropej jistgħu jilħqu l-komunitajiet u jservu l-wirt u l-valuri tagħna.
ssal għal riżultati sbieħ li jservu

Is-Sur Pace Ross qal li permezz ta’ dan il-proġett ta’ konservazzjoni, il-bini tal-knisja parrokkjali reġa’ ħa l-ħajja u tispikka l-ġebla Maltija li ssebbaħ misraħ tipikament ta’ raħal Malti. Saħaq li dan ir-restawr ma kienx ikun possibbli mingħajr fondi tal-Unjoni Ewropea, fondi nazzjonali kif ukoll mingħajr donazzjonijiet ta’ benefatturi u parruċċani Koppini. Hu rringrazzja lill-kumpanija Pisani Restoration għax-xogħlijiet ta’
konservazzjoni u restawr, kif ukoll lill-EMCS għas-servizz ta’ konsulenza.

Il-Knisja ta’ San Leonardu nbniet fis-seklu 16 iżda tkabbret fl-1706, hekk kif tgħid l-iskrizzjoni li tinsab fuq il-faċċata prinċipali tal-knisja.

Din hi waħda minn għadd ta’ knejjes f’Malta li qed jibbenefikaw mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2023.