Il-Partit Nazzjonalista jinsisti dwar edukazzjoni inklussiva u ġusta għal kulħadd
Kull tifel u tifla għandhom dritt għall-edukazzjoni u huwa inkwetanti ferm li sal-lum għad għandna ħafna tfal u żgħażagħ li mhumiex jingħataw l-għajnuna addizzjonali kollha li jeħtieġu biex ikunu jistgħu jieħdu l-edukazzjoni li tixirqilhom.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen fid-dritt sagrosant li uliedna kollha jkollhom l-opportunità jitgħallmu u jilħqu l-ogħla abbiltajiet tagħhom. Iżda bħalissa għad għandna tfal li qed jiġu ddiskriminati fl-edukazzjoni billi mhux qed jingħataw is-sapport kollu meħtieġ.
Matul is-sena skolastika li għaddiet, numru kbir ta’ tfal ma kellhomx il-Learning Support Educator li kellhom bżonn biex ikunu jistgħu jitgħallmu bħal sħabhom. Oħrajn kontinwament intbagħtu lura d-dar mill-iskola meta l-LSEs tagħhom ma kinux l-iskola u oħrajn tħallew jistennew fuq il-waiting list għal xhur sħaħ.
Bosta tfal u żgħażagħ b’diżabbiltà u oħrajn b’diffikultajiet fit-tagħlim issa jinsabu f’inċertezza dwar is-sena skolastika li tmiss, b’uħud minnhom lanqas jafu jekk hux se jkollhom post fejn ikunu jistgħu ikomplu bl-edukazzjoni terzjarja tagħhom.
Minflok jieħu r-responsabbiltà u jsolvi l-problema li teżisti, il-Gvern qed jagħlaq għajnejh u jdeffes rasu fir-ramel. Il-Ministru għall-Ugwaljanza Julia Farrugia farfret ir-responsabbiltajiet tagħha fuq il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima meta huwa obbligu tagħhom it-tnejn li jaħdmu flimkien biex tissaħħaħ l-edukazzjoni għal dawk li għandhom diżabbiltà jew diffikultà fit-tagħlim.
Il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ Learning Support Educators (LSEs) fl-iskejjel tagħna hija waħda serja. Dan in-nuqqas qed ikollu impatt negattiv dirett fuq l-istudenti b’diżabbiltà u dawk b’diffikultajiet fit-tagħlim kif ukoll fuq il-familji tagħhom. Kull ġurnata li tgħaddi mingħajr biżżejjed LSEs tfisser li t-tfal mhux qed jingħataw l-edukazzjoni li għandhom dritt għaliha. Il-ġenituri wkoll jinsabu f’inċertezza u jinsabu inkwetati li n-nuqqasijiet li jeżistu se jxekklu l-progress akkademiku u l-iżvilupp olistiku tat-tfal tagħhom. Kull ġurnata li tgħaddi fejn dawn it-tfal ma jingħatawx is-sapport li għandhom bżonn skont l-abbiltajiet tagħhom se tħalli impatt negattiv fuq il-futur tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn tiegħu lejn edukazzjoni inklussiva u ġusta għal kulħadd biex ħadd ma jibqa’ lura minkejja l-isfidi li wieħed jista’ jkollu. L-edukazzjoni inklussiva trid tibqa’ prijorità nazzjonali għax l-istudenti kollha għandhom dritt għal appoġġ xieraq.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jgħaddi mid-diskors sabiħ dwar l-inklużjoni għall-azzjonijiet konkreti għax l-inklużjoni m’għandhiex tkun slogan biex tiġbor il-voti.
Huwa d-dmir tal-Ministeru tal-Edukazzjoni li jara li kull tifel u tifla, kif ukoll kull żagħżugħ u żagħżugħa jieħdu l-edukazzjoni sħiħa li għandhom id-dritt għaliha u bir-riżorsi kollha skont il-bżonnijiet tagħhom.
Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri u mix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea.
//= $special ?>