Lokali

It-toroq ħallew ħames vittmi f’xahar wieħed

Pajjiżna qed ikompli jaffaċċja ammont intollerabbli ta’ inċidenti tat-traffiku, li jwaslu għal ġrieħi serji u anka mwiet. U waqt li jistgħu jittieħdu diversi azzjonijiet biex dawn jiġu evitati, hemm bżonn li b’mod immedjat u effettiv il-Pulizija jibdew jinfurzaw il-liġi.

Hekk sostna tabib tal-Emerġenza Jonathan Joslin wara li f’Lulju biss tilfu ħajjithom ħames persuni, u diversi oħra spiċċaw fil-periklu tal-mewt wara li kienu involutu f’inċidenti tat-traffiku.

Waħda mill-ikbar nuqqasijiet kruċjali hija kif il-Pulizija ma għandhomx awtorità li jwettqu testijiet tad-droga u l-alkaħol għall-għarrieda. Dan in-nuqqas fl-awtorità tal-Pulizija jwassal għal riskju għoli ta’ inċidenti. U għalhekk hemm bżonn li dan l-ittestjar isir anka meta ma jkunx hemm dubju serju dwar abbuż ta’ drogi u alkaħol.

Il-Pulizija trid tkun viżżibbli u preżenti b’mod regolari fit-toroq, anka permezz ta’ vetturi pajżana, u jeħtieġ li jkollhom l-awtorità li jekk xi ħadd ma jgħaddix mit-testjar jeħdulu il-liċenzja.

It-tabib issuġġerixa wkoll biex isir użu aħjar tat-tekonoloġija, permezz ta’ kameras awtomizzati tal-veloċità u tad-dawl aħmar fejn ir-riskju jkun l-ogħla, sabiex ir-riżorsi tal-Pulizija jkunu jistgħu jintużaw għall-infurzar. Dan filwaqt li talab biex l-infurzar tat-testijiet jingħaqad mar-rekords diġitali tal-liċenzji.

Jonathan Joslin permezz ta’ kitba fuq Facebook spjega li hemm evidenza internazzjonali li dan l-ittestjar għall-għarrieda jwassal għal tnaqqis sinifikanti fl-inċidenti tat-traffiku. U fost dawk li irnexxielhom inaqqsu l-imwiet relatati ma’ sewqan taħt l-influwenza kemm fl-Awtralja kif ukoll fl-Irlanda.

Sfortunatament dan ix-xahar kien iddominat minn fatalitajiet koroh, fosthom il-mewt ta’ Mildred Azzopardi, il-mewt ta’ sewwieq tal-mutur li tilef ħajtu f’Tal-Pieta, il-mara li tilfet ħajjitha fl-inċident tat-traffiku li fih kien hemm involut ukoll il-President Emeritu Geroge Abela, iż-żagħżugħ ta’ 27 sena li tilef ħajtu f’Raħal Ġdid kif ukoll l-anzjana li tilfet ħajjitha wara inċident f’Ħal Lija.

Intant fl-aħħar jiem barra l-appell mit-tabib Jonathan Joslin sar appell ieħor mid-dipartiment tal-Emerġenza f’Mater Dei, hekk kif f’temp ta’ tliet ijiem kien hemm 600 telefonata għal servizz ta’ ambulanza. Minn dawn, 60 pazjent kienu fil-periklu tal-mewt, u 18 minnhom kienu jeħtieġu opperazzjonijiet ta’ salvataġġ intensiv.