Robert Cutajar, PN
Il-Whip tal-Oppożizzjoni u Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal fl-Aġġornament tal-parlament li jeħtieġ jitneħħew il-periklu kollha mit-toroq waqt ix-xogħlijiet li jkunu qed isiru fit-toroq.
Robert Cutajar tkellem dwar Transpot Malta u dwar is-sigurtà fit-toroq u appella biex ikun hemm iktar attenzjoni għal iktar kalma fit-toroq. Dan wara li fl-aħħar ġranet seħħew numru ta’ inċidenti fatali tat-traffiku li ħallew diversi vittmi; liema inċidenti setgħu kienu evitati.
Id-deputat Nazzjonalista qal li anki dawk li jimxu fit-toroq Maltin iridu joqgħodu attenti kif iġibu ruħom partikolarment meta dawn jiġu biex jaqsmu t-triq. Robert Cutajar qal li l-pubbliku m’għandux jimxi taħt il-bankina.
Hu qal li staqsa jekk hemmx pjan ta’ spezzjonijiet fuq ix-xogħlijiet fit-toroq li jkunu qed isiru. Filwaqt li kkritika l-mod kif it-toroq qed jerġgħu jinqalgħu wara li jkunu saru x-xogħlijiet, Robert Cutajar qal li l-kuntratturi li jagħmlu x-xogħlijiet għandhom l-obbligu li jagħlqu t-toroq fl-istat li dawn ikunu qabel saru x-xogħlijiet.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li għandu jkun hemm strateġija bejn Transport Malta u l-kunsilli lokali biex isiru l-ispezzjonijiet tax-xogħlijiet fit-toroq. Hu qal li l-barriers fit-toroq m’humiex qed ikunu bl-ilma u għalhekk qed itiru mar-riħ b’konsegwenza fuq ix-xufiera jew fuq il-pubbliku. Lanqas hu aċċettabbli t-toroq jitħallew bil-konkos għal xhur sħaħ, sostna Robert Cutajar, li kompla li l-gvern għandu jkun iebes ma’ dawn id-deċiżjonijiet.
//= $special ?>