Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li sawwat u hedded lis-sieħba tiegħu

Raġel inżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti u wieġeb mhux ħati għal diversi akkużi relatati ma’ vjolenza domestika, fosthom li weġġa’ ħafif lis-sieħba tiegħu, heddidha, żammha kontra r-rieda tagħha, u ġegħelha tibża’ li se tintuża vjolenza kontriha.

Ir-raġel, ċittadin Libjan residenti f’Għawdex, ġie mixli wkoll li kiser żewġ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest separati, kif ukoll bir-reċidiva. Il-Qorti semgħet kif it-Taqsima tal-Vjolenza Domestika kienet irċeviet email li fiha kien hemm filmat li beda jdur fuq il-midja soċjali TikTok, fejn jidher raġel isawwat mara f’karozza. Permezz tan-numru tal-pjanċa tal-vettura, il-vittma ġiet identifikata.

L-Ispettur Antonello Magri spjega li l-Pulizija raw video meħud minn turista u li dan spiċċa fuq TikTok, fejn raġel deher isawwat mara f’karozza fil-25 ta’ Lulju. Saret konoxxenza tal-vittma bin-numri tar-reġistrazzjoni tal-karozza u għalkemm inizjalment irrifjutat li tagħmel rapport, aktar tard infurmat lis-Surġent tal-Pulizija li l-inċident fil-fatt seħħ, iżda ma riditx tirrapporta lill-partner tagħha għax kienet diġà għamlet dan qabel u kienet ħafrithlu.

Ir-raġel inqabad f’Għawdex fil-mument li kien qed jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija. Il-vittma mbagħad ressqet rapport, fejn qalet li fl-24 ta’ Lulju nqala’ argument li fih l-akkużat sawwatha u insulentaha. L-istess Pulizija ġew infurmati li meta marru għand ir-raġel, dan żamm lill-mara ġewwa d-dar kontra r-rieda tagħha u ħbielha ċ-ċwievet. Kien biss fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu li l-mara rnexxielha tmur għand ommha.

Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata iżda talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet ippreżentata mid-difiża. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba, minħabba biża’ li jista’ jsir tbagħbis fl-evidenza kif ukoll minħabba l-kondotta kriminali tal-akkużat.

L-Avukat tad-difiża David Bonello irrimarka li l-vittma rrifjutat li tattendi għas-seduta u osserva li f’ħafna każi akkużati jqattgħu ġimagħtejn taħt arrest preventiv, biss biex il-vittma tagħżel li ma tixhidx fl-ewwel seduta.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.