Lokali

L-MEP Peter Agius iżur il-Kamra tal-Kummerċ

Il-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius għamel żjara uffiċjali lill-Kunsill tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta, fejn saru diskussjonijiet fil-fond dwar diversi żviluppi leġiżlattivi u finanzjarji tal-UE li jolqtu direttament lill-intrapriżi Maltin.

Diskussjonijiet iffukaw fuq il-Baġit Ewropew u proposti ġodda ta’ taxxi Ewropej, in-negozjati fuq liġijiet li jnaqqsu l-piżijiet fuq kumpaniji, kif ukoll fuq l-aċċess għal fondi diretti mill-UE, b’rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ jenfasizzaw id-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom l-intrapriżi Maltin biex jaċċessaw dawn l-opportunitajiet.

Peter Agius saħaq fuq il-ħtieġa li jiġu evitati l-ostakli nazzjonali u ħeġġeġ il-ħolqien ta’ konsorzji Maltin biex japplikaw direttament għal fondi ta’ innovazzjoni u sostenibbiltà minn Brussell.

L-MEP Peter Agius tkellem ukoll fuq il-Green Deal, u l-liġijiet ġodda li jimponu taxxi Ewropej fuq trasport bil-baħar u bl-ajru. Agius emfasizza l-bżonn ta’ klawsoli ta’ salvagwardja għal gżejjer sabiex tiġi protetta l-kompetittività ta’ Malta.

Peter Agius appella biex stakeholders f’Malta jinvolvu ruħhom kmieni fil-proċess tal-baġit Ewropew (MFF) u offra l-appoġġ tiegħu lill-Kamra tal-Kummerċ fuq inizjattivi relatati mal-leġiżlazzjoni dwar il-klima u t-taxxa.

B’din iż-żjara, Peter Agius ġedded l-impenn tiegħu biex il-leħen ta’ Malta jinstema’ ħafna iktar fi Brussell, u biex il-leġiżlazzjoni Ewropea tirrifletti r-realtajiet Maltin inkluż tal-intrapriżi.