Adrian Grech, li kien akkużat li kkawża ġrieħi gravi fuq Charles Farr, ġie illiberat mill-akkużi mill-Qorti Kriminali wara li ġie stabbilit li l-azzjoni tiegħu kienet waħda ta’ difiza personali ġustifikata. Il-każ seħħ f’ambjent tax-xogħol, fejn it-tensjonijiet bejn l-imputat u l-vittma kienu ilhom jiżdiedu.
Skont il-provi minn naħa tal-prosekuzzjoni u x-xhieda esebiti quddiem il-Qorti, kien hemm klima ta’ frizzjoni konsistenti fuq il-post tax-xogħol, inkluż pressjoni fuq il-ħaddiema, pagamenti tal-over-time mhux imħallsa, u argumenti dwar ir-responsabbiltajiet relatati ma’ sistemi ta’ xogħol fuq il-kompjuter. Grech ta’ 46 sena, kien l-imgħallem ta’ Farr fuq il-post tax-xogħol.
F’dan il-kuntest, fil-jum tal-inċident, fil-25 ta’ Marzu, 2022, f’xi ħin bejn is-sagħtejn ta’ waranofsinhar,
u l-ħamsa ta’ waranofsinhar, ġewwa l-istabbiliment fuq il-post tax-xogħol qam argument qawwi bejn iż-żewġt irġiel, li eskala f’konfront fiżiku.
L-allegat vittma stqarr li kien ilu jaħdem ma’ dik il-kumpanija għal madwar ħames snin u żied jgħid li l-kwistjoni kienet bdiet mill-ġurnata ta’ qabel, fl-24 ta’ Marzu, 2022. Dakinhar kien telaq mix-xogħol irrabjat għaliex suppost kien jaħdem sal-4pm. iżda spiċċa weħel fuq ix-xogħol sas-6.45pm. u dik ma kinitx l-ewwel
darba li baqa’ hemm wara l-ħin u kien jitħallas sal-16:00hrs.
L-allegat vittma qal li kien “irrabjat ħafna” u qabel ma telaq mix-xogħol ċempel lil Adrian Grech, li kien wieħed mill-imgħallmin tiegħu u kellmu “naqra mhux ħażin” għax kien irrabjat. Qal illi qallu, “Ma jistax ikun nibqa’ sa dan il-ħin ix-xogħol.” Imbagħad telaq.
L-għada, jiġifieri fil-25 ta’ Marzu, 2022, meta kien xogħol f’Birkirkara, Grech mar ikellmu, jizzikah u jwaqqgħu għaċ-ċajt. Qal li spiċċaw jargumentaw. L-allegat vittma kompla jispjega: ….ġġilidna ftit, xejn ta’ barra minn hawn għax tant jitilfek li jitliflek il-kontroll. Bdejt ngħidlu biex jitlaq ‘l hemm.
“Ħallini nkompli b’xogħli.” Dak il-ħin, l-allegat vittma u l-imgħallem kienu qegħdin fil-basement tal-ħanut. Grech reġa’ niżel u qallu, “Ejja ħa nitilgħu fuq ħa nitkellmu.” L-allegat vittma kompla jispjega li kif tela’ fuq, l-allegat aggressur ħebb għalih, tah daqqa ta’ ponn fuq in-naħa tal-lemin ta’ wiċċu u gidmu f’imnieħru u ma riedx iħallih.
Imbagħad intervjena missier l-allegat aggressur, Manuel Grech, u ħaddiema oħra biex jaqilgħuh minn mal-allegat vittma li telaq lejn il-polyclinic. L-allegat vittma stqarr li “meta gidimni jiena u hu biss konna.” Semma’ wkoll li meta kienu għadhom isfel, kien hemm żewġ ħaddiema.
Grech minn naħa tiegħu xehed li hu nqabad f’morsa fiżika minn Farr u f’mument ta’ biża’ immedjat, reġa’ lura b’azzjoni li kellha l-iskop li jeħles lilu nnifsu mill-periklu. Il-prosekuzzjoni ppruvat tippreżenta l-każ bħala attakk vjolenti intenzjonat, iżda l-Qorti sabet li x-xhieda tal-imputat kienet kredibbli, konsistenti, u sserraħ fuq il-fatt li kien f’pożizzjoni difensiva u mhux offensiva.
L-imputat qal li Farr kellu saħħa akbar, u li f’mument minnhom waqgħu fl-art u hu ma setax juża idejh b’mod liberu biex jiddefendi ruħu. L-għodda li kienet fuq il-post, inklużi biċċiet ta’ madum bil-ponta li kienu fil-viċin kabbru l-periklu li kien qed jiffaċċja.
Il-Qorti semgħet ukoll kif l-ambjent fis-sit tax-xogħol kien wieħed ta’ pressjoni psikoloġika, u li Farr kien diġà nervuż u rrabjat qabel l-inċident. Fid-decizzjoni tagħha, il-Qorti saħqet li l-azzjoni ta’ Grech kienet waħda proporzjonata u reattiva għall-attakk li kien qed isofri, u ma sabitx provi li l-imputat kellu ħsieb kriminali jew intenzjoni li jweġġa’ deliberatament lil Farr.
Għaldaqstant, il-Qorti, wara li eżaminat il-provi kollha u ċ-ċirkostanzi tal-każ, iddikjarat li ma nstabx ħati ta’ ġrieħi gravi, billi l-att tiegħu waqa’ taħt il-kappa tad-difiża leġittima taħt il-liġi kriminali Maltija. Għaldaqstant Adrian Grech inħeles mill-akkużi ta’ vjolenza u ġrieħi gravi fuq bażi ta’ self-defence.
Il-Qorti affermat il-prinċipju li l-bniedem għandu d-dritt jiddefendi ruħu minn attakk immedjat, anke jekk minn dan jirriżultaw ġrieħi, basta l-azzjoni tkun proporzjonata. Il-Qorti qalet li temmen li dan l-inċident kien xprunat minn numru ta’ fatturi.
L-imputat stqarr li fi żmien l-akkadut kien għaddej minn perjodu diffiċli u fil-fatt spjega li “ma kontx qiegħed sew.” It-tabib personali tiegħu kkonferma li kien ippreskrivielu xi mediċina minħabba l-ansjetà li, skont il Il-Qorti tqis li dawn il-fatturi lkoll flimkien kellhom impatt negattiv fuq ir-relazzjoni bejn il-parte ċivile u l-imputat.
Dakinhar tal-inċident, it-tensjoni bejniethom tidher li eskalat sal-punt li, kif stqarr Farr innifsu, “tant jitilfek li jitliflek il-kontroll.” Min naħa l-oħra, l-imputat stqarr li hu ried jevita tali konfront “ġol-ħanut, bin-nies
u l-impjegati l-oħrajn, stil tal-cowboys” iżda meta sab ruħu aggredit u maqbud bejn dirgħajn l-impjegat tiegħu, kellu jirreaġixxi biex jeħles lilu nnifsu minn periklu li dak il-mument ħass li kien serju u imminenti.
Dan għamlu billi rrikorra għall-uniku mezz li ġieħ f’moħħu f’dawk iċ-ċirkostanzi li ippreċipitaw f’ħakka t’għajn. Għal dawn ir-raġunijiet kollha fuq esposti, il-Qorti hija moralment konvinta li l-imputat kien ġustifikat li jaġixxi b’dak il-mod biex jiddefendi lilu nnifsu leġittimament u stante li din il-linja ta’ difiża qed tiġi milqugħa.
Għaldaqstant il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ma sabitx lill-imputat ħati tal-imputazzjoni attribwita lilu u għaldaqstant, illiberatu minn kull ħtija u piena.
Il-prosekuzzjoni tmexxier mill-Ispettur Andrew Agius.
//= $special ?>