Opinjoni

OPINJONI: Fiċ-ċirkostanzi li ninsabu

minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

Għandi dubji fuq kemm id-dinja mxiet ’il quddiem f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena. B’il quddiem” nifhem il-progress li jitkattar mill-paċi u l-ġustizzja. Mill-abbiltà li tibni pajjiż u tieħu ħsieb iktar il-bżonnijiet tal-popli. Minn dak li huwa evidenti, għandna iktar xenarji ta’ gwerer li ma jiqfux. Ifaqqsu. Għandna f’dan ukoll ferm iktar gvernijiet li biex iżommu ’l-Istat għaddej żiedu u kabbru d-dejn nazzjonali tagħhom.

Għandna iktar infiq fl-armamenti militari milli qatt kellna f’dawn l-aħħar tmenin sena. F’dik is-sena 1945, meta l-Ġappun ċeda wkoll u t-theddida kontra d-demokraziji li l-lemin estrem kien jirrappreżenta spiċċat definittivament ingħalaq kapitolu ikrah u d-dinja bdiet tipprova tibni lilha nfisha mill-ġdid.

Dak li kien pass favur il-progress issa jidher li sejrin kompletament il-kontra tiegħu.

Dak li nbena

F’dan aktar qisna dħalna f’fażi fejn dak li ġie mibni lura f’diversi stati issa beda l-proċess lura biex, b’xi mod, jiżżarma. Il-marka tal-ġid nazzjonali kien f’dan immarkat b’kemm kapaċi nonfqu fi proġetti li jissudaw l-infrastruttura, il-bliet u l-assigurazzjoni li hemm stat soċjali u ġustizzja soċjali pprattikati.

Ix-xenarji ta’ gwerer li mhumiex jieqfu fl-Ukrajna u f’Gaża jindikaw aktar li dħalna f’mentalità li se ssib soluzzjoni billi tassigura d-distruzzjoni. F’dan nistgħu naraw laqgħat miżmuma bejn pajjiżi varji, jiddiskutu kif se jġibu l-fondi u kif dawn se jintefqu biex jinbena mill-ġdid it-tifrik. Imma lkoll nafu li r-realtà hija ferm ’il bogħod milli naħsbu.

Il Sole 24 Ore

Fil-ħarġa ta’ din il-gazzetta tal-24 ta’ Lulju, li tħares lejn il-finanzi u li ftit tingħata importanza f’pajjiżna, sibt artiklu ta’ Pier Luigi Sacco li huwa professur fl-Ekonomija. Fih huwa jibda l-analiżi tiegħu hekk:

L’Europa si trova oggi di fronte a una sfida geopolitica che non ha preċedenti dai tempi del secondo dopoguerra. La rapidissima evoluzione verso un nuovo ordine mondiale multipolare caratterizzato da crescenti tensioni geopolitiche e da una profonda messa indiscussione dei fondamenti stessi della globalizzazione economica degli ultimi decenni, sta costringendo il nostro continente a ripensare radicalmente le proprie priorità strategiche. Il riarmo europeo, ormai ineludibile, rappresenta una risposta necessaria ma non sufficiente a garantire la rilevanza geopolitica dell’Europa negli scenari futuri.” (L-Ewropa llum tinsab quddiem sfida ġeopolitika li ma kellhiex qabel sa minn żmien it-tieni gwerra mondjali. L-evoluzzjoni veloċi ħafna lejn ordni mondjali multipolari, b’tensjonijiet ġeopolitiċi li jikbru kontinwament u ta’ tqegħid għad-diskussjoni l-bażi stess tal-globalizzazzjoni ekonomika tal-aħħar deċennji qed iġġiegħel lill-kontinent tagħna jaħseb radikalment il-prijoritajiet strateġiċi tiegħu. Ir-riarm Ewropew, li sfortunatament, ma jistax jinżamm milli jsir, jirrappreżenta risposta neċessarja imma mhux biżżejjed biex jiggarantilha rilevanza ġeopolitika Ewropea fix-xenarji futuri.)

Ix-xenarju huwa differenti

Fl-ewwel sitt xhur nimmarkaw li dak li ġie proġettat fil-presidenza futura ta’ Donald Trump ma seħħx fid-direzzjoni li ntqal lilna. Ma kienx hemm paċi l-għada, jew fil-jiem ta’ wara l-ħatra. Kien hemm, u għad hemm iktar jiem ta’ attakki u partijiet li ma jistgħux jiftiehmu dwar il-futur. Qisha kull naħa taħseb li jekk tkompli tiġġieled ser ikollha vantaġġi akbar fil-proċessi futuri.

Imma jekk hemm settur ta’ instabbiltà kbira huwa proprju dak tal-kunflitti militari. Iktar u iktar illum il-ġurnata bit-teknoloġija moderna li dejjem qed tibni armi iktar miċidjali, sofistikati u effettivi. F’dan però huwa dejjem iktar ċar li l-Unjoni Ewropea fehmet u għalhekk qiegħda timxi biex tkun iktar għal rasha u ma tiddependix fid-dożi preċedenti mill-Istati Uniti, jew aħjar, mill-Presidenza Trump. Biss din il-linja llum tista’ tidher bħal dik ġusta, dik mingħajr alternattiva, imma wieħed irid iżomm ruħu attent li qed jimxi u jġorr dak li verament se jkun fil-futur.

Macron, Merz u Starmer

F’dan proprju hemm dawn il-laqgħat kontinwi li qed isiru bejn dawn it-tliet mexxejja Ewropej, li huma mimlija b’ideat. Uħud nisimgħu bihom u oħrajn trid tfittixhom. Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit qed jersqu iktar viċin fl-aġenda marbuta ma’ dak li huwa fil-bżonn tat-twettiq ta’ iktar infiq militari. Dak li jingħad u l-kontenut ta’ dak rilaxxat juri li hemm proċess li qiegħed jidħol fis-seħħ.

Tul il-ġimgħa, il-Gvern ġdid Tedesk approva liġi li trendi x-xiri tal-armi għall-eżerċitu tiegħu aktar malajr. Il-Ministru tal-Ekonomija Catherine Reiche ddikjarat u rrappurtata fil-gazzetti Taljani li qalet hekk: “L’obiettivo è chiaro: dobbiamo diventare tecnologicamente e industrialmente più forti dei potenti aggressuri. È così che assicuriamo la pace.” (Il-mira tagħna hija ċara: irridu nsiru teknoloġikament u industrijalment iktar b’saħħitna mill-aggressuri potenti. Huwa b’hekk li nassiguraw il-paċi.)

Ideat li jfakkruna li fl-Ewropa, il-produzzjoni attwali wasslitha tikber billi teħxien, mentri huwa ċar li ma baqgħetx veloċi u f’postha tiflaħ tiġri ma’ oħrajn jew qabel oħrajn. Triq iqsar mir-rapport ta’ Mario Dragi f’Settembru li għadda, u proprju għalhekk li sejra lejn dik il-linja.

Skużi jew raġunijiet

F’dan huwa ċar li dan ġej proprju fil-mument u ċ-ċirkostanzi li wħud jaħsbu li huma favorevoli. Fis-sens li l-opzjoni lejn infiq u produzzjoni militari tista’ ġġib lura l-produzzjoni industrijali fil-Ġermanja f’postha. F’ċertu sens faċli, f’ieħor neċessarja. Imma l-fatt jibqa’ li bl-armi ma tikolx u lanqas tibni. Prodott li fit-tul huwa mejjet u f’dan ikun hemm min jinsisti li jiġi wżat u mibjugħ lill-oħrajn. Proċess ta’ nkwiet u wkoll ta’ riekwilibriju, jekk wieħed jista’ jsejjaħlu hekk, għax Emanuel Macron u Keir Starmer għandhom warajhom vantaġġ militari fuq il-Ġermanja.

Fil-fatt, tul Lulju, fil-11, kellna l-ewwel ftehim militari bejn dawn it-tlieta biex jikkoordinaw iktar il-kapaċitajiet militari tagħhom biex isostnu lill-Ewropa u lin-NATO. Pass interessanti għall-istess Renju Unit wara l-effetti negattivi ta’ Brexit.

Kif twettaq

F’ċertu sens hija ħasra li tara lil dawn il-pajjiżi kbar u b’saħħithom jinġabru biex ikollhom teknoloġija u industrija militari aqwa mentri setturi oħra mhumiex daqshekk fl-aġenda, u forsi wkoll, ma jistgħux ikunu. F’dan ċertament tifhem iktar il-preċiżjoni umana Ewropea li, fejn trid, jirnexxilha tiċċaqlaq u twettaq. Jekk jaqblu, kif qed naraw, jimxu f’dik id-direzzjoni.

Tul il-ġimgħa li għaddiet, fl-24 ta’ Lulju, fil-fatt Friedrich Merz u Emanuel Macron iltaqgħu f’Berlin sabiex jippruvaw jissuperaw żewġ punti determinanti. L-ewwel fuq dak marbut mat-tfassil ta’ ajruplani militari aqwa u komuni, magħruf bħala ‘Future Combat Air System’. Dan billi hemm diffikultajiet bejn il-kumpannija Franċiża Dasault Aviation, l-Airbus Franko-Tedeska u l-Ispanjola Indra Sistemas. It-tieni, fit-tankijiet tal-gwerra f’dik indikata bħala ‘Main Ground Combat System’, fejn il-Ġermanja tidher li hija fuq quddiem. Dan dejjem bit-tnejn jaqblu li jibqgħu jagħtu appoġġ lill-Ukrajna.

X’se jkollna

Biss, il-kumplikazzjonijiet komplew iktar bid-dikjarazzjoni ta’ Macron li f’Settembru, Franza ser tirrikonoxxi lill-Istat Palestinjan u dan quddiem dak li hemm iseħħ, b’mod mill-iktar inaċċettabbli, ġewwa Gaża. Wieħed li ġieb konfrontazzjoni politika qawwija. Bil-gazzetta Le Monde tas-26 ta’ Lulju tiddikjara qbil f’editorjal bit-titlu ‘La Logique de la Reconnaissance De La Palestine”, tinsisti fl-argument li b’hekk il-Ħamas mhux qed jiġi ppremjat, imma se jkollu jaċċetta l-eżistenza tal-Istat ta’ Iżrael.

Dikjarazzjonijiet bħal dawn se jġibu pressjoni sija fuq Keir Starmer, kif ukoll fuq Friedrich Merz. Sitwazzjonijiet xejn faċli u li jitolbu iktar attenzjoni. Proprju għalhekk li quddiem dan kollu, u f’dawn iċ-ċirkostanzi, hu dejjem għaqli li wieħed jibqa’ pass lura u jifhem sew fejn sejrin, jew aħjar, fejn ser nispiċċaw.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 29 ta’ Lulju, 2025.