minn Bernice Bonello
Shadow Minister għaż-Żgħażagħ
u l-Ispazji Miftuħa
Bħala Membru Parlamentari żagħżugħa, f’dan l-artiklu se nkun qed nagħti ħarsa dwar kemm id-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea jaffettwaw liż-żgħażagħ.
Bħalissa l-Unjoni Ewropea għaddejja b’ħidma fuq strateġija li għandha twassal sal-2027 u li għandha l-għan li tgħaqqad aktar liż-żgħażagħ flimkien, waqt li jkollhom aktar saħħa biex jimxu aktar ’il quddiem. Minn din l-istrateġija joħorġu ħdax-il punt li għandhom isiru mill-Unjoni Ewropea f’dan il-perjodu.
Dawn il-ħdax-il miri stabbiliti jinkludu li l-Unjoni Ewropea tkun aktar viċin iż-żgħażagħ; li jkun hemm ugwaljanza bejn iż-żgħażagħ kollha ta’ kull sess u razza, li kulħadd ikun inkluż u ma jibqa’ lura ħadd, li jkun hemm djalogu kostruttiv, li jittieħed ħsieb tas-saħħa mentali u s-saħħa inġenerali taż-żgħażagħ.
Ma’ dawn il-miri hemm ukoll li żgħażagħ, li jgħixu f’postijiet rurali jersqu ’l quddiem biex ikollhom karriera ta’ kwalità, li jkun hemm impjiegi u tagħlim ta’ kwalità għal kulħadd. Dan sabiex kull żagħżugħ u żagħżugħa jimxi ’l quddiem. F’dawn il-miri, l-Unjoni Ewropea tgħid ukoll sabiex kull żagħżugħ u żagħżugħa jingħata jkollu kull ċans biex jipparteċipa u jwassal leħnu, li l-Ewropa tkun aktar sostenibbli u li jkun hemm aktar organizazzjonijiet għaż-żgħażagħ u programmi Ewropej.
Dwar dan tal-aħħar hemm bosta affarijiet, iżda l-aktar wieħed popolari u li l-aktar jibbenefikaw minnu ż-żgħażagħ hu dak tal-Erasmus+.
Opportunitajiet
Dan il-programm tal-Unjoni Ewropea jgħin liż-żgħażagħ biex jistudjaw f’pajjiż ieħor Ewropew, dan filwaqt li jaqsmu kulturi differenti flimkien. Dan għaliex minkejja li ngħixu f’dinja globalizzata, kull pajjiż għandu l-kultura u t-tradizzjonijiet tiegħu. Waħda mill-miri ewlenin tal-Unjoni Ewropea favur il-ħarsien u l-ġejjieni taż-żgħażagħ, hi l-importanza tas-sostenibbilità.
Fost il-miżuri li ttieħdu mill-Unjoni Ewropea u li ġew implimentati mill-istati membri, hemm dik li minn Ottubru li għadda, kien hemm il-projbizzjoni ta’ glitters u tal-istraws tal-plastik. Dan bil-għan li jitnaqqas l-użu ta’ plastik li jintuża darba biss u jintrema.
Miżuri bħal dawn mhux biss huma favur l-ambjent, iżda wkoll jedukaw lilna ż-żgħażagħ billi nagħmlu għażliet li huma favur l-ambjent u nużaw aktar affarijiet li jerġgħu jintużaw mill-ġdid.
B’dan juri kemm l-Unjoni Ewropea għandha impatt fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kull wieħed u waħda, hekk kif eżempju anki meta wieħed jixrob juża straw tal-ħadid jew tal-kartun, milli tal-plastik.
Apparti s-sostenibbilità, l-Unjoni Ewropea wkoll tiffoka dwar id-drittijiet ta’ kull żagħżugħ u żagħżugħa.
Dan hekk kif l-Unjoni tenfasizza dwar id-drittijiet fundamentali u l-valuri għaż-żgħażagħ, biex tiżġura ambjent sigur u inklussiv għal kulħadd. Għal dan il-għan, b’din il-ħidma tal-Unjoni Ewropea se twassal biex iż-żgħażagħ ikunu aktar attivi, biex b’hekk il-kontinent Ewropew ikun darhom.
Fl-2022, l-Unjoni Ewropea ddedikat din is-sena għaż-żgħażagħ biex tagħti aktar vuċi lilhom, anki wara li l-Ewropa kienet ħierġa mill-isfida tal-pandemija.
L-Unioni Ewropea taħdem fuq bosta oqsma, iżda żġur mhux inqas biex tagħti d-dinjità liż-żgħażagħ – il-preżent u l-futur ta’ pajjiżna u anki ta’ din l-Unjoni.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 27 ta’ Lulju, 2025.
//= $special ?>