Is-skiet tal-Baħrija kien miksur bil-ħsejjes tas-sireni tal-Pulizija u l-kommossjoni kbira li nqalgħet wara sparatura li ħalliet żewġt irġiel mejta.
Il-Pulizija issejħu fir-Rabat it-Tlieta għall-ħabta tas-5:45pm, wara li seħħ dan id-delitt doppju fiz-zona tal-Baħrija – preċiżament fi sqaq fl-inħawi tal-Kunċizzjoni fejn hemm numru ta’ għelieqi.
Numru kbir ta’ uffiċjali u investigaturi kienu fuq il-post, filwaqt li assista wkoll is-saċerdot li f’dak il-ħin kien qed iqaddes fil-kappella tal-Kunċizzjoni.
Sa issa, mhux magħruf x’kienet l-arma li ntużat.
Ftit tal-ħin ilu ġie arrestat ir-raġel, anzjan ta’ 72 sena minn Ħaż-Żebbuġ, li wettaq dan id-delitt. Dan wara li saret tfittxija li estendiet saz-zona fejn hemm ir-residenzi tal-Baħrija. Hu ġie arrestat il-Mosta.
Jidher li l-persuni nvoluti – iż-żewġt irġiel li nqatlu u r-raġel li ħarab – huma kollha relatati ma’ xulxin mill-familja.
Fil-fatt, Net News jista’ jikkonferma li l-allegat qattiel spara lejn it-tifel tas-sieħba tiegħu, u anke lejn ir-raġel tat-tifla tal-istess sieħba. Il-vittmi kellhom 51 u 57 sena. Il-familja għandha għelieqi f’din l-istess zona, b’rapporti jindikaw li s-sitwazzjoni eskalat fi sparatura minħabba diżgwid familjari.
Il-Maġistrat Joe Mifsud ġie nfurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.
Dan il-każ itella’ għal tlieta l-persuni li nqatlu din is-sena f’omiċidji, wara l-każ li kien seħħ fil-Bidnija.
//= $special ?>