Lokali

Robert Abela jimxi mod miegħek u mod ieħor ma’ dawk tal-qalba – PN

Robert Abela jimxi mod man-nies komuni u mod ieħor ma’ dawk tal-qalba. Waqt li ċittadin li qed jiffaċċja akkużi kriminali tibqa’ sospiża sakemm jinqata’ l-każ tagħha, għal Edward Scicluna u dawk tal-qalba għandu kejl differenti.

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bl-aktar mod kategoriku d-deċiżjoni ta’ Robert Abela, li jerġa’ jpoġġi lil Edward Scicluna fil-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali minkejja li għadu qed jiffaċċja akkużi kriminali fil-Qrati ta’ Malta b’rabta ma’ każ serju ta’ frodi u korruzzjoni marbut mal-għoti tal-isptarijiet lil Vitals u Steward.

Din hija konferma oħra li għandna Prim Ministru li jmexxi b’mentalità ta’ impunità u double standards. L-istess kif għamel meta reġa’ daħħal lil Ronald Mizzi bħala Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, illum qed jagħmel l-istess ma’ Edward Scicluna.

Il-Gvern ta’ Robert Abela jippremja lil dawk li jiġu akkużati bi ksur serju tal-liġi sakemm ikunu tal-qalba. Fl-istess waqt, impjegati tal-Gvern jiġu sospiżi mix-xogħol malli jitressqu l-Qorti, anke jekk il-każ tagħhom ma jkollux x’jaqsam mal-funzjoni pubblika tagħhom. Dan mhux biss hu trattament diskriminatorju, iżda jagħti messaġġ ċar li f’Malta hawn nies ‘il fuq mil-liġi, basta jkunu qrib il-Gvern Laburista.

Id-deċiżjoni ta’ Robert Abela tfisser ukoll indħil dirett fil-proċess ġudizzjarju li għadu għaddej. Billi jerġa’ jpoġġi lil Edward Scicluna f’kariga istituzzjonali daqstant sensittiva, Abela qed jagħmel stqarrija politika u jiddeċieci l-innoċenza ta’ persuna qabel ma jitkellmu l-Qrati. Dan kollu jmur kontra l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna li tgħid li l-awtorità li tiddeċiedi dwar il-ħtija jew l-innoċenza hija f’idejn l-Imħallfin u l-Maġistrati minflok f’idejn il-Prim Ministru.

B’din il-ħatra, Robert Abela mhux biss qed jikser kull prinċipju ta’ governanza tajba, imma qed ixejjen kompletament il-fiduċja tal-poplu fl-istituzzjonijiet. Il-Bank Ċentrali għandu jkun simbolu ta’ integrità, stabbiltà u indipendenza mhux strument politiku f’idejn gvern li jħares biss lejn min hu qrib tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni l-pożizzjoni tiegħu li ma jistax ikun li persuni li għadhom qed jiffaċċjaw akkużi kriminali fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Istat ikunu qed jitħallsu bi flus il-poplu u jgawdu minn paga ta’ aktar minn €138,000 fis-sena, filwaqt li l-istess poplu qed ibati l-piżijiet tal-għoli tal-ħajja.

Il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ għal sens ta’ responsabbiltà, rispett lejn l-istituzzjonijiet u restawr ta’ serjetà u etika fil-mexxejja tal-pajjiż.