Ftit ġimgħat wara l-aħħar tour beda “jħoss li qed jitlef il-kontroll ta’ kollox”. Mitkellem mill-Ministru, huwa kienet inġibditlu l-attenzjoni li kien hemm ħafna tensjoni fl-Orkestra Nazzjonali. Dan qalu Sigmund Mifsud, l-Eks Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, li qed jaffaċċja akkużi serji kriminali relatati ma’ intimidazzjoni, abbuż ta’ poter u ostakolu għall-ġustizzja f’każ ta’ fastidju sesswali li seħħ fi ħdan l-istess orkestra fejn persuna li diġà ngħatat is-sentenza.
“Kien mument ta’ dlam kbir, kont qed nara x-xogħol ta’ 10 snin qed jikkrolla,” qal Mifsud. F’mument ta’ rabja, Mifsud qal li żbalja iżda mkien ma qal biex l-akkużat fuq fastidju sesswali jigdeb. Mifsud qal ukoll li l-midja tat x’tifhem li hu kien l-akkużat u b’hekk tkellem ma’ dawk responsabbli biex joħorġu l-fatti dwar dan il-każ.
Mistoqsi għalfejn ħass li minflok iddistakka ruħu mill-akkużat u minflok tkellem miegħu biex ikun hemm verżjoni waħda, Mifsud wieġeb li huwa ma ndaħal fl-ebda investigazzjoni. Huwa qal li żbalja li ma mexiex mal-pariri mogħti mill-avukat tal-Orkestra, iżda dak iż-żmien emmen li l-akkużat m’għamel xejn ħażin.
Mifsud qal li l-Pulizija qatt ma bagħtu għalih biex jisimgħu l-verżjoni tiegħu iżda bagħtu għalih biss biex jarrestawh. Mifsud żied jgħid li l-messaġġi ħarġu b’mument ta’ rabja. Huwa qed wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella. Il-proċess kontra Mifsud sar fl-isfond ta’ każ ieħor li spiċċa b’sentenza sospiża, fejn uffiċjal ieħor tal-Orkestra ammetta li ffastidja sesswalment membru żagħżugħa tal-MPO għal perjodu ta’ tliet snin.
Dik il-persuna li isimha u isem il-vittma ma jistgħux jissemmew fuq ordni tal-Qorti kienet ingħatat sena ħabs sospiża għal erba’ snin u ordni ta’ trażżin għal ħames snin, f’dak li l-Qorti ddeskriviet bħala mġiba serja u persistenti.
Kontra Mifsud, qed jiġi allegat li beżżgħa lill-vittma sabiex ma tirrapportax lill-pulizija, saħansitra billi uża vjolenza morali u psikoloġika biex jiskoraġġixxiha bi pressjonijiet li seta’ kellhom impatt fuqha u fuq qrabatha. Jidher ukoll li allegatament kellu wkoll influwenza ma’ membri oħra tal-istaff biex ma jagħtux informazzjoni lill-investigaturi, f’dak li jista’ jikkostitwixxi tbagħbis ta’ evidenza u ostakolu għall-proċess ġudizzjarju.
Fil-Qorti ħareġ li Mifsud, ftit ġimgħat wara l-aħħar tour tal-Orkestra, beda jħoss li qed jitlef il-kontroll ta’ kollox fejn il-Ministru kien diġà ġibidlu l-attenzjoni dwar tensjoni kbira li kienet qed tikber fl-Orkestra, u kien evidenti li r-relazzjonijiet kienu qed jiddeterjoraw.
Mifsud qal li r-relazzjoni mal-mużiċisti fil-bidu kienet “tajba ħafna” biss “ir-relazzjoni bdiet tinbidel, kien hemm sens ta’ tixwix”. Huwa qal li “meta tagħmel għall-interess tal-orkestra mhux kulħadd jaċċettaha u jkun hemm min jara x’jagħmel biex jagħmel il-bsaten fir-roti”. Qal li dan tarah kemm internament u anke esternament.
Mistoqsi dwar l-akkużat fil-każ tal-fastidju sesswali, Mifsud qal li kien jinvolvi ruħu f’affarijiet oħra, f’għajnuna lill-kollegi. Ir-relazzjoni bejn it-tnejn kienet waħda professjonali tant li kienu jitkellmu biss fuq xogħol.
B’rabta mar-relazzjoni bejn il-persuna li għamlet fastidju sesswali u l-vittma, Mifsud qal li mill-bidu nett kien hemm ħbiberija intensa. Huwa qal li kien jaf li kienu jiltaqgħu fi tmiem il-ġimgħa u jekk kien jinqala’ xi ħaġa kienu l-ewwel persuni li jibagħtu lil xulxin.
Mifsud hawn ippreżenta lill-Qorti diversi messaġġi bejn iż-żewġ persuni li rċieva mingħand l-akkużat. Huwa iddeskriva lill-akkużat (il-persuna l-oħra li ammettiet fil-Qorti) bħala persuna li ma kellux relazzjoni faċli mal-kollegi tiegħu.
Huwa ammetta li “il-management mhux kulħadd kien jieħu gost bih” u li anke fost il-mużiċisti kien hemm tensjonijiet, partikolarment minħabba l-fatt li l-akkużat, fi kliem Mifsud, kien jaf ikun “rigoruż fil-ħidma tiegħu biex jintlaħqu d-deadlines”.
Meta mistoqsi direttament dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-oħrajn fl-Orkestra, Mifsud qal li jista’ jkun li “f’ċerti proġetti kien jilgħabha ta’ boss”, jiġifieri seta’ adotta atteġġjament awtoritarju jew kontrollanti, li ċertament ma kienx dejjem apprezzat minn dawk ta’ madwaru.
Interessanti li Mifsud iddikjara wkoll li, fi ħsiebu, “kien hemm ċertu għira lejn l-akkużat”, u kien fuq dan il-punt li huwa għamel intervent personali. Skont ix-xhieda tiegħu, Mifsud ġibed l-attenzjoni tal-akkużat, qalulu biex “jinsa l-promozzjoni” li kien qed jimmira għaliha, għax “m’għandux il-fiduċja tan-nies”.
Dan l-episodju jidher li kien ta’ punt ta’ bdil fir-relazzjoni mal-vittma, hekk kif Mifsud irrimarka li “wara dan l-episodju, il-vittma ma baqgħetx tfittex iktar lill-akkużat” u anzi “bdiet taħarbu minnu”. Minkejja dan, Mifsud ma wera l-ebda inizjattiva li jinvestiga x’seta’ ġara, iżda qal li “ma staqsiex x’ġara” għax “issapona li kienet għaddejja minn problemi personali”.
Madankollu, huwa għamel osservazzjonijiet li juru suspett lejn il-vittma, fosthom li “kien qed jissuspetta li kienet qed tirrekordjah”, u akkużaha li “kienet qed tagħmel tantrums”. Mifsud qal ukoll li l-vittma kienet “titlef l-interess fix-xogħol”, “ma jinteressahiex tagħmel l-affarijiet sew”, u li kienet “tgħajjat għal kull ħaġa ta’ xejn”, għalkemm kien hu li kien qed joffrilha numru ta’ commitments f’xogħolha.
Minkejja l-ilmenti tagħha li Mifsud “kien qed iqabbadha stress kbir”, huwa insista li dejjem prova ma jpoġġilhiex piż żejjed. Mifsud qal li l-ewwel darba li sema’ b’allegazzjoni ta’ fastidju sesswali kienet meta l-vittma bdiet turi mġiba differenti fuq ix-xogħol – xi ħaġa li ħasditu. Huwa staqsieha x’ġara eżatt, u wara li spjegatlu l-allegazzjonijiet, insista li m’għandux ikun hemm kunfidenza żejda fuq il-post tax-xogħol.
Minn hemm ‘il quddiem, ma rċieva l-ebda rapport iktar jew komunikazzjoni formali mill-vittma sakemm waslet ittra ta’ riżenja. Mifsud wera skantament dwar għaliex il-vittma għażlet li tmur għand il-Pulizija, u qal li dan sar b’mod li attakka wkoll lilu personalment.
Mifsud qal li kien sema’ ħafna verżjonijiet differenti li rriżultaw li ma kinux veritieri. Qal li meta l-vittma rreferiet għall-fastidju sesswali ma’ Mifsud, l-unika ħaġa li semmgħiet kienet li l-akkużat missilha spallitha darbtejn biex jgħidilha tmexxi dwar rapport li kienu qed jiddiskutu, waqt li l-akkużat kien warajha u hi kienet bilqiegħda quddiem il-kompjuter.
Mifsud ċaħad li l-akkużat immessaġġa spallet il-vittma, skont li qaltlu hi. Mistoqsi dwar meta semma’ tixwix bejn l-impjegati, Mifsud qal li kien qed jirreferi għal dak li kien qed joħroġ esternament fil-midja. L-Ispettur Gabriel Micallef kien l-ewwel xhud quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella.
Meta ġie mistoqsi jekk kienx hu li talab biex isir l-arrest, bl-Ispettur qal li ma jiftakarx bl-amment. L-Ispettur qal li l-vittma kienet qed tindika l-biża’ u ma kinitx komda tirritorna x-xogħol. L-avukat tad-difiża ppersista jsaqsi fuq liema akkużi saret it-talba għall-arrest. Micallef insista li l-ordni ta’ arrest sar fuq dak li kienet qalet il-vittma.
B’rabta ma’ recordings, l-Ispettur qal li dawn ma kinux waslu għandhom meta sar l-arrest ta’ Sigmund Mifsud. Huma kienu biss semgħu bihom mix-xhieda tal-vittma. B’rabta mal-leak tal-ittra tar-riżenja tal-vittma li ġiet ippubblikata għand The Shift News, l-Ispettur qal li ma kienx hu li bagħat din l-ittra, b’differenza għal dak li allegat il-vittma. Huwa qal li din l-ittra lanqas biss kienet għandu biex ikun jista’ jibgħatha lill-midja.
Il-Maġistrat wissiet lid-difiża biex meta tagħmel affermazzjonijiet, dawn tagħmilhom b’mod korrett. Dan wara li l-Maġistrat qrat parti mill-artiklu li ppubblika The Shift News. Wara xehdet l-Eks Segretarju Permanenti ta’ dak iż-żmien għall-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Joyce Dimech, responsabbli fost l-oħra mill-Orkestra Filarmonika.
Dimech qalet li hi kienet irċiviet l-ittra tar-riżenja tal-vittma u bdew jinvestigaw għaliex irriżenjat u d-dettalji li kien hemm fl-ittra. Qalet li f’uħud mill-każijiet ta’ dan it-tip tittieħed azzjoni mill-Pulizija filwaqt li drabi oħra jittieħdu passi dixxiplinarji min-naħa tad-Dipartiment stess.
Dimech qalet li fl-ittra ma kienx hemm ismijiet, filwaqt li ġiet mgħarrfa minn Sigmund Mifsud dwar din ir-riżenja. Mifsud ma qalx min kienu l-persuni li l-vittma kienet qed tallega b’rabta mal-fastidju. Xhud ieħor kien Michael Aquilina li kien ta’ Direttur tal-Loġistika fi ħdan l-Orkestra Filarmonika.
Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Mifsud, Aquilina qal li ġieli ma kenux jaqblu fejn jidħol ix-xogħol. Aquilina qal li lejn l-aħħar din id-diżgwid beda jaffetwah. Huwa qal li waqaf sena qabel l-irtirar ta’ 64 sena. Spjega li d-diżgwid beda jaffettwalu saħħtu, tant li t-tabib qallu li għandu l-pressjoni għolja.
Qal li l-pressjoni tax-xogħol ma kinitx faċli u huwa persuna li jrid kollox perfett. Spjega li ma kienx mument faċli u wara l-laqgħa li kellu ma’ Mifsud, beda jikkunsidra sew li jieqaf minn xogħlu. Aquilina sostna li l-akkużat ma kellu “etika ta’ xejn”.
B’rabta mar-relazzjoni bejn l-akkużat (li nstab ħati) u l-vittma, Aquilina qal li huwa ma kienx jaħdem fl-istess binja magħhom u b’hekk ma kienx jaf wisq. Huwa kien iħoss li hemm tensjoni fejn tidħol il-vittma u staqsieha jekk kinitx kellmet lil Sigmund Mifsud. Din id-diskorsata saret f’Lulju 2022. Aquilina qal li ma rax b’għajnejh dak li kien jaffettwaha. Huwa nsista li l-akkużat (li nstab ħati) kien jeħtieġ li jiġi kkontrollat.
Xehed ukoll Daniel Cauchi, li kien spiċċa fl-irwol ta’ principal percussionist fi ħdan l-Orkestra. Qal li ma tantx kellu relazzjoni mal-vittma (it-tfajla) għaliex kienet uffiċċju differenti minnu. Cauchi qal li ma kien jara xejn ta’ barra minn hawn bejn l-akkużat u l-vittma.
Il-vittma kienet staqsietu jiftakarx meta l-akkużat għamel moviment fuqha, b’Cauchi jgħidilha li m’għandux idea.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetur Kevin Pulis u Gabriel Micallef filwaqt li għall-Eks Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali qed jidhru l-Avukati Edward Gatt, Mark Vassallo u Shawn Zammit.
//= $special ?>