Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs fuq sewqan bl-addoċċ f’konfront vjolenti

Anees Badroush, raġel ta’ 35 sena mll-Libja u residenti l-Furjana, ġie kkundannat sitt xhur ħabs wara li nstab ħati ta’ sewqan b’mod irresponsabbli u bla liċenzja waqt argument vjolenti li seħħ barra bar fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, fit-22 ta’ Marzu 2023.

Il-każ seħħ meta Badroush u raġel Malti li kien miegħu ġew attakkati minn tliet irġiel li niżlu minn karozza. Materjal viżiv tas-sigurtà wera lil Badroush jattakka lura b’ħadida tal-metall u, f’mument kritiku, jidħol f’karozza pparkjata u jsuq b’lura b’veloċità eċċessiva biex jipprova jtajjar wieħed mill-aggressuri. Huwa reġa’ saq iżda deher li ma kellux kontroll fuq il-vettura. Tul dan il-ħin, kien għadu qed iżomm il-ħadida f’idu.

Badroush ċaħad li saq u rrifjuta li jwieġeb jekk kellux liċenzja. Madankollu, Transport Malta kkonfermat li ma kellux la liċenzja tas-sewqan u lanqas polza ta’ assigurazzjoni valida.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Victor G. Axiak, sabitu ħati ta’ diversi akkużi relatati mas-sewqan: sewqan bla liċenzja, bla assigurazzjoni, bl-addoċċ, mingħajr kontroll, u ksur tal-paċi pubblika. Huwa ġie meħlus mill-akkuża dwar nuqqas ta’ seatbelt minħabba nuqqas ta’ prova.

L-imġiba tiegħu ġiet deskritta bħala inaċċettabbli u perikoluża, li setgħet faċilment ikollha konsegwenzi serji għal dawk involuti u għall-pubbliku innoċenti fil-viċin.

Minbarra l-piena ta’ ħabs, Badroush ġie pprojbit mis-sewqan għal sentejn. Il-Qorti rrimarkat li minkejja li l-imputat seta’ kien qed jirreaġixxi għal attakk, ir-rispons tiegħu kien sproporzjonat u illegali, u għalhekk kellu jġarrab il-konsegwenzi ta’ għemilu.

Il-Maġistrat Victor G. Axiak ippresieda l-każ.