Amber Pillow, tfajla ta’ 23 sena li qed tistudja l-liġi, tressqet il-Qorti akkużata li kkawżat ġrieħi gravi lil mara oħra f’ġlieda li seħħet fis-17 ta’ Marzu f’Paceville. Mill-proċeduri quddiem il-Qorti rriżulta li Pillow kienet involuta f’argument ma’ Mikaya Schembri.
Kienet Pillow li kienet għamlet rapport lill-Pulizija, li wassal biex Schembri tressqet il-Qorti xhur ilu akkużata li kkawżat ġrieħi ħfief lil Pillow. Schembri kienet ammettiet u ngħatat ordni ta’ probation. Meta dehret il-Qorti nhar it-Tlieta, Pillow wieġbet mhux ħatja għall-akkużi li kkaġunat ġrieħi gravi lil Schembri u li għamlet użu ħażin minn tagħmir elettroniku.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, u l-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx, sakemm jiġu imposti kundizzjonijiet xierqa. Intqal ukoll fil-Qorti li ż-żewġ nisa issa għandhom relazzjoni tajba u saru ħbieb. L-avukat tad-difiża Franco Debono insista li l-klijenta tiegħu kienet qed tiddefendi lilha nnifisha, u qal li l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest għandhom jirriflettu ċ-ċirkostanzi reali tal-każ.
ll-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Għandha tiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija u ma tersaqx lejn ix-xhieda tal-prosekuzzjoni.
L-avukati tad-difiża talbu li ma jiġux ippubblikati l-ismijiet tal-persuni involuti, iżda din it-talba ġiet miċħuda mill-Qorti.
Il-kawża ġiet preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo. L-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Clive Aquilina ipproċeda f’isem il-prosekuzzjoni, assistit mill-Ispetturi tal-Pulizija Jonathan Cassar u Nico Zarb.
L-akkuzata kienet assistita mill-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit, filwaqt li l-avukat Matthew Xuereb deher f’isem Mikaya Schembri.
//= $special ?>