Stati d’Arte 2025 hi l-wirja internazzjonali tal-arti kontemporanja, li din is-sena tinsab fit-tielet edizzjoni tagħha, fetħet għall-pubbliku fl-Italja nhar is-Sibt 26 ta’ Lulju u fil-preżenza ta’ diversi rappreżentanti Maltin.
Fl-ambjenti rinnovati ta’ Villa Fidelia f’Spello (PG), artisti minn 24 pajjiż differenti, u fi sfondi u espressjonijiet differenti qed jispikkaw u jipparteċipaw b’xogħlijiet varji.
Għal dan l-avveniment li sar taħt il-patroċinju tal-Parlament Ewropew, kien misteden jattendi fost oħrajn id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar li kkordina wkoll il-preżenza għal din il-wirja tal-Ambaxxatur Malti fl-Italja Daniel Azzopardi u tar-rappreżentanti tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Din l-edizzjoni ġġib magħha ħafna novitajiet, li jibdew mill-wirja ta’ ġieħ dedikata lil Bruno Orfei, li qed ssir fil-padiljun Limonaia ta’ Villa Fidelia. Qed jintwerew madwar għoxrin biċċa xogħol – pittura u skultura – biex jitfakkar wieħed mill-ismijiet l-aktar maħbuba fix-xena artistika storika tal-Umbria.
Novità oħra hija l-Padiljun tal-belt storika: Stati d’Arte li qed tespandi u ssir wirja mifruxa, b’sezzjoni spazjali oħra fi spazju esebittiv tal-Kunsill Lokali ta’ Spello, b’xogħlijiet pittoriċi u skulturali.