Ambjent Lokali

Anke l-FKNK titkellem b’saħħa kontra l-liġi l-ġdida li se tirregola l-użu ta’ art agrikola f’pajjiżna

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti tinsab ferm diżappuntata bil-mossa tal-Gvern wara li l-Ministeru għall-Agrikoltura nieda regolamenti għall-art agrikola li tinsab barra z-zona tal-iżvilupp – regolamenti li permezz tagħhom, l-għelieqi ma jistgħux jintużaw għal skopijiet rikreattivi.

Fi stqarrija, l-FKNK qalet li ma tistax ma tespremix id-diżappunt tagħha għan-nuqqas assolut ta’ konsultazzjoni magħha mill-Ministeru tal-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali fit-tfassil tar-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-art Agrikola.

Fil-fehma tal-FKNK dawn ir-regolamenti:

– Se jinponu obbligi fuq id-dritt liberu ta’ pusses ta’ sidien ta’ art rurali;

– Se jeffettwaw ħażin, x’aktarx ukoll finanzjarjament, mhux biss lis-sidien kaċċaturi u nassaba, iżda wkoll lill-eluf kbar oħra ta’ familji Maltin li investew, speċjalment minn meta faqqet il-pandemija tal-Coronavirus, fi bċejjeċ ta’ art rurali fejn ikunu jistgħu jgawdu d-diversi rikreazzjonijiet tagħhom;

– Jagħtu d-dritt lir-Riżorsi Agrikoli Malta takkwista pussess temporanju tal-art u jkollha s-setgħa li tallokaha għall-attività agrikola lil ħaddieħor f’kaz ta’ xi sid li ma josservax l-obbligi. Ikunu imposti wkoll multi u miżati għal dan it-tip ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni tal-obbligi

– Huma għal kollox azzjoni antidemokratika, kważi dittatura. Dan għaliex, il-proprjeta’ privata hija sagrosanta taħt il-liġi

L-FKNK irringrazjat lis-Segretarju Permanenti mill-Ministeru li minnufih iltaqa’ ma’ delegazzjoni mill-FKNK u sema’ t-tħassib tagħhom. Madankollu, u sabiex l-FKNK ma tkunx kostretta tieħu azzjonijiet ulterjuri, inkluż protesti, kontra dawn ir-regolamenti inaċċettabli, l-istess FKNK se titlob laqgħa urġenti mal-Ministru Anton Refalo qabel jidħlu fis-seħħ dawn ir-regolamenti fl-24 ta’ Settembru 2025.