Internazzjonali

Birmingham: Għexieren ta’ eluf iqimu lil Ozzy Osbourne waqt il-jum tal-funeral

Id-dinja tal-Mużika Rock qed issellem mill-ġdid lill-memorja ta’ Ozzy Osbourne, il-kantant veteran tal-grupp Black Sabbath waqt il-funeral tiegħu li qed issir illum, fil-belt ta’ Birmingham, fl-Ingilterra.

Preżenti għall-funeral hemm l-għexieren tal-eluf fost il-fans tal-kantant u meta magħhom hemm ukoll uħud mill-aktar ismijiet rinomati fil-ġeneru tar-Rock u oħrajn minn kampijiet mużikali oħra.

It-tebut ta’ Ozzy – imlaqqam ‘The Prince of Darkness’ – twassal minn Broad Street, fiċ-ċentru ta’ Birmingham u bil-korteo, imbagħad, jieqaf fuq il-pont magħruf bħala Black Sabbath Bridge u li kien iffullat bin-nies li kienu ilhom jistennew għal sigħat.

F’dan il-punt, Sharon Osbourne, il-mara tal-kantant u qraba oħrajn – ilkoll  viżibbilment emozzjonali – ħadu l-opportunità biex jaraw il-bukketti tal-fjuri li tħallew fl-inħawi, flimkien mal-messaġġi personali miktuba u dedikati lir-‘Re tal-Heavy Metal’.

Fil-fatt, Black Sabbath Bridge ma damx biex jimtela minn tarf sa tarf bil-bukketti u l-messaġġi – bil-folol jesprimu l-apprezzament għal wieħed mill-aktar kantanti u mużiċisti influwenti ta’ kull żmien u li anki għamel isem bħala personalità tar-Reality TV.

Ozzy Osbourne miet ftit aktar minn ġimgħa ilu wara li saħħtu kienet ilha sejra lura. Hu kien ilu żmien ibati bil-marda Parkinson’s u problemi oħrajn u, fil-fatt, kellu jmut ġimagħtejn biss wara li hu ħa sehem fir-reunion concert tal-Black Sabbath bit-tema Back to the Beginning li kien organizzat fl-istadium ta’ Villa Park – fejn jilgħab it-tim ta’ Aston Villa.

Fl-istess ħin, il-fans ta’ Ozzy u l-Black Sabbath li  tkellmu mal-midja fl-aħħar sigħat qalu li huma ħarġu fit-toroq ta’ Bimingham mhux b’sens ta’ niket iżda biex jiċċelebraw il-ħajja ta’ personalità straordinarja li ħalla impatt hekk kbir fid-dinja tal-mużika u li mhu se jintesa qatt.