Olandiż ta’ 53 sena ntbagħat disa’ snin ħabs u ġie mmultat €15,000 wara li ammetta li daħħal f’Malta aktar minn kilo kokaina moħbija f’kapsoli li kien bela’ qabel it-titjira. Il-każ imur lura għal nhar il-5 ta’ Ottubru 2022, meta Lenel Abaisa wasal Malta b’titjira minn Eindhoven.
Minkejja li ma twaqqafx fl-ajruport, il-Pulizija diġà kellha informazzjoni li kienet qed tinvestiga dwar il-possibbiltà ta’ traffikar ta’ droga. Il-Pulizija segwiet taxi li ħaditu minn l-ajruport u waqqfitu f’Burmarrad. Huwa ttieħed immedjatament l-isptar Mater Dei, fejn scans mediċi kkonfermaw il-preżenza ta’ numru ta’ kapsoli fl-istonku tiegħu.
Aktar tard ġie kkonfermat li dawn il-kapsoli kien fihom madwar kilo kokaina. L-akkużat tressaq il-Qorti mixli b’importazzjoni u pussess aggravat ta’ droga, akkużi li taħt il-liġi Maltija jistgħu jwasslu għall-piena massima ta’ għomor il-ħabs, għalkemm din tingħata biss f’każijiet estremi bħall-qtil.
Dwar il-piena fil-konfront tal-akkużat hi ħadet in konsiderazzjoni diversi fatturi, fosthom il-fedina penali nadifa tal-akkużat, in-natura serja tal-kapi ta’ akkuża miġjuba kontra l-akkużat u l-ammissjoni tal-akkużat fir-rigward ta’ dak li huwa ġie akkużat bih.
Il-Qorti qalet ukoll li huwa minnu li f’dan il-każ li għandha quddiemha l-Qorti, l-ammissjoni tal-akkużat saret fi stadju avvanzat tal-proċeduri, però fl-istess waqt ma jistax jiġi njorat il-fatt li l-ġuri ma leħaqx ġie kompost u b’hekk ġew evitati spejjeż żejda u ġew evitati wkoll li jsiru l-preparamenti neċessarji għal ġuri.
Madankollu, ftehim mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali wassal sabiex l-akkużat jammetti l-akkużi u jaċċetta sentenza ta’ disa’ snin priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €15,000. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri, la sabet ebda raġuni biex ma tilqax it-termini tal-ftehim, u għalhekk ħarġet is-sentenza skont l-arranġament.
Minbarra s-sentenza u l-multa, il-Qorti ordnat ukoll li jitħallsu €8,280.05 fi spejjeż tal-Qorti, li jiġu konfiskati l-assi tal-akkużat relatati mal-każ, u li d-droga tiġi meqruda.
//= $special ?>