Lokali

Sejħa fil-Belt Valletta għal azzjoni mill-Gvern Malti kontra l-ġenoċidju f’Gaza

Mixja bħala talba għal azzjoni konkreta mill-Gvern Malti kontra l-ġuħ tal-massa impost minn Iżrael fuq il-Palestinjani f’Gaża, saret mill-Funtana tat-Tritoni fil-Belt Valletta. lejn Pjazza Kastilja nhar It-Tlieta, 29 ta’ Lulju fis-6:30pm.

Il-parteċipanti ġew mitluba jġibu magħhom borom vojta bħala simbolu tal-ġuħ li ħakem Gaża.

Tfal, nisa u rġiel f’Gaża bħalissa qed jinqatlu bil-ġuħ. Wara sena u għaxar xhur ta’ qtil tal-massa ġenoċidjali ta’ ċivili – inkluż il-mira intenzjonata ta’ ġurnalisti, professjonisti fil-qasam tas-saħħa, ħaddiema umanitarji u nies li kienu qed ifittxu l-għajnuna – Iżrael issa qed isaħħaħ il-ġenoċidju billi qed joqtol lill-Palestinjani bil-ġuħ.

Ritratti ta’ tfal imutu bil-ġuħ, u ta’ anzjani jaqgħu u jmutu waqt li jistennew fil-kju għall-ikel li qatt ma jasal, għandhom iqajmu reazzjoni qawwija f’kull persuna li għandha mqar ftit empatija.

Għalhekk huwa ta’ wġigħ u tal-mistħija li l-gvernijiet tal-Punent qed ikomplu jew jappoġġjaw b’mod attiv l-istat ġenoċidjali ta’ Iżrael, jew ma jieħdu l-ebda pass effettiv biex iwaqqfu l-ġuħ tal-massa impost minn Iżrael fuq il-popolazzjoni Palestinjana f’Gaża.

Sfortunatament, anke l-Gvern Malti qed jonqos b’mod gravi milli jieħu l-passi li jista’ kontra dan il-ġenoċidju.

B’kuntrast ma’ pajjiżi Ewropej oħra bħall-Irlanda u Spanja, il-Gvern Malti naqas b’mod konsistenti milli jikkundanna l-ġenoċidju ta’ Iżrael fuq livell internazzjonali, darbtejn mar lura mill-wegħda tiegħu li jirrikonoxxi l-Istat tal-Palestina, u għadu jippermetti li vapuri bil-bandiera Maltija jittrasportaw armi u materjal militari lejn Iżrael.

Fid-dawl ta’ din l-inattività u kompliċità, it-Tlieta l-poplu sejjaħ għal:

  1. Pożizzjoni soda u ċara mill-Gvern Malti li tikkundanna lil Iżrael u li titlob sanzjonijiet kontrih, inkluż l-ikkanċellar tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u Iżrael.
  2. Projbizzjoni fuq vapuri bil-bandiera Maltija milli jittrasportaw armi u materjal militari lejn Iżrael, flimkien ma’ politika ċara u infurzata li tipprojbixxi li dawn il-vapuri jidħlu fl-ibħra Maltin jew li jingħataw servizzi minn bastimenti f’Malta.
  3. Għarfien immedjat mill-Gvern Malti tal-Istat Palestinjan.